Lokali

AIR MALTA : Dibattitu fil-Parlament wara insistenza mill-Partit Nazzjonalista

Wara pressjoni kbira li saret, ġiet milqugħa t-talba tal-Partit Nazzjonalista sabiex isir dibattitu dwar l-għeluq tal-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta. Id-dibattitu beda wara li saru l-istqarijiet ministerjali iżda jekk id-dibatittu ma jiġix konkluż it-Tnejn se jitkompla matul il-jum tat-Tlieta.

Iżda fil-bidu ta’ din l-ewwel seduta wara l-waqfa tas-Sajf Robert Abela rreżista li jsir dibattitu dwar l-għeluq tal-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta.

Dan wara li f’konferenza tal-aħbarijiet il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li l-Air Malta se tagħlaq fl-aħħar ta’ Marzu u minflok se jkun hemm linja tal-ajru nazzjonali ġdida.

Għaldaqstant waqt l-ewwel seduta tal-Parlament il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-Parlament għandu jaġġorna sabiex jiddiskuti din id-deċiżjoni; deċiżjoni li turi falliment ieħor għal pajjiżna.

Madankollu wara li s-seduta għamlet ħin twil sospiża Robert Abela għamel U-turn u qal li lest li jagħmel dibattitu sa x’ħin hemm bżonn. Din il-manuvra qajmet tħassib kbir fost diversi għaqdiet madwar pajjiżna kif ukoll qajmet inċertezza kbira dwar x’se jiġri minn dawk il-ħaddiema li preżentament huma impjegati minn Air Malta hekk kif dawn mhumiex garantiti xogħol ieħor wara li tagħlaq il-linja tal-ajru.