Hamrun Spartans żammew ir-rekord ta’ mija fil-mija dan wara li huma għelbu lil Sirens bl-iskor ta’ 4-0 f’logħba li ddominaw mill-bidu sat-tmiem. B’din ir-rebħa huma ngħaqdu ma’ Floriana b’punti massimi fil-quċċata tal-klassifika fejn l-indikazzjonijiet qed juru li dawn iż-żewġ naħat ser ikunu l-protagonisti ewlenin dan l-istaġun. Wara bissa erba’ minuti l-Ispartans ħadu l-vantaġġ u dak kien li huma riedu biex ikunu jistgħu jamministraw il-logħba b’aktar faċilita. Forsi Sirens kienu sfortunati meta laqtu l-lasta, gowl li setgħu daħħalhom mill-ġdid fil-logħba. Iżda kienet evidenti d-differenza fil-klassi bejn iż-żewġ naħat. Jidher li dan ser ikun staġun iebes għat-tim minn San Pawl il-Baħar fejn s’issa ftit li xejn impressjonaw.

Ikompli l-mument maġiku ta’ Floriana, dan wara li huma fl-ewwel logħba għal dan l-istaġun li ntlagħbet filgħodu, għelbu lil Balzan bl-iskor ta’ 3-0. Bħal fil-każ ta’ Ħamrun din kienet ir-raba’ rebħa minn daqstant logħbiet għat-tim immexxi minn Camoranesi. L-ewwel taqsima naqset li tipproċudi xi logħob ta’ livell iżda fit-tieni ħamsa u erbgħin minuta l-Greens kienu aktar offensivi sakemm huma fetħu l-iskor mas-siegħa logħob. Dak kellu jkun il-gowl li sploda lil Floriana għaliex minn hemm ‘il quddiem huma ħadu l-kontroll totali tal-logħba u bdew jiskurjaw b’mod regolari. Reid u Arias kellhom partita mill-aqwa iżda spikka għal darb’oħra l-kollettiv. Għal Balzan dan ir-riżultat kien xi ftit diffiċli għalihom imma bil-kwalità ta’ skwadra li għandhom kapaċi jirkupraw mill-ewwel.

Tasal l-ewwel rebħa għal Naxxar Lions wara li huma għelbu lit-tim tal-qiegħ Santa Lucia bl-iskor ta’ 4-0. Rebħa li tfisser ftit tan-nifs għal-Lions filwaqt li tkompli żżid il-problemi għas-Saints. Kienet wirja tajba minn Naxxar b’mod partikolari fit-tieni taqsima hekk kif huma skurjaw żewġ gowls fi spazju ta’ ftit minuti li kompletament qatgħu mil-logħba lill-avversarji tagħhom. Minkejja li ż-żewġ timijiet jidher li ser ikunu fuq in-naħa l-ħażina tal-klassifika, xorta waħda deher li l-Lions kienu aktar organizzati u determinati li jiksbu l-punti massimi. Għal Santa Lucia jidher li l-affarijiet mhux sejrin kif ippjanaw fejn providenzjali għalihom il-waqfa għal-logħbiet internazzjonali biex ikunu jistgħu janalizzaw u jaħdmu fuq l-iżbalji li wettqu f’dawn l-ewwel erba’ logħbiet.

Anke Gżira United kisbu l-ewwel rebħa tagħhom tal-istaġun, dan wara li huma ġabu fix-xejn lil Gudja United b’rebħa bl-iskor tennistiku ta’ 6-1. Interessanti li kienu Gudja li marru minn fuq b’gowl ta’ Mensah, iżda żewġ gowls fi spazju ta’ minuta taw kunfidenza kbira lill-Maroons li komplew jiddominaw il-partita biex kisbu rebħa kbira. B’din ir-rebħa huma telgħu fid-disa’ post tal-klassifika fuq 4 punti. Mhux l-istess jista jingħad għal Gudja li għadhom ifittxu l-ewwel rebħa tagħhom fejn jinsabu b’żewġ punti biss fin-naħa t’isfel tal-klassifika. L-affarijiet s’issa ma’ tantx jidhru sbieħ għal Gudja fejn it-tim irid juri titjib konsiderevoli jekk qed jaspiraw li jevitaw li s-sena d-dieħla jilagħbu biċ-Challenge League. Hija sfida iebsa peress li din is-sena jiġu relegati erba’ timijiet.

Gowl skurjat mill-plejer Rumen Andrei Ciolacu ta rebħa tant mistennija lil Birkirkara minn konfront dirett kontra Hibernians. Ciolacu kienu ilu fuq il-pitch għaxar minuti biss hekk kif huwa sab iċ-ċans u b’xutt mill-ewwel għeleb lil Kone għal dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa. Din ir-rebħa waslet wara telfa kontra Floriana u draw kontra Valletta biex b’hekk l-Istripes irritornaw għar-rebħ. Iżda mhux l-istess jista jingħad għal Hibernians li għalihom din kienet it-tieni telfa konsekuttiva peress li matul il-ġimgħa kien sfaw megħluba minn Floriana. Għat-tim minn Raħal Ġdid kien diġà beda jberraq meta kontra Santa Lucia minn 3-0 minn fuq assistejna għal kważi rimonta mis-Saints bil-logħba tispiċċa 3-2. Għaldaqstant Branko Nisevic għandu ħafna fuq xix jaħseb matul dawn il-ġranet biex jerġa jagħmel lit-tim ta’ Hibernians wieħed rebbieħ.

Draw ġust bejn Valletta u Mosta f’logħba li rat lil Mosta jkunu l-aħjar fl-ewwel taqsima bil-Beltin jirrispondu fit-tieni ħamsa u erbgħin minuta. Kienu Mosta li fetħu tajjeb f’din il-logħba fejn marru wkoll gowl minn fuq skurjat mill-ex plejer ta’ Valletta Kevin Tulimieri. Kien gowl stupend skurjat mill-plejer Taljan li ħasad għal kollox lil Galea. Paiber kien il-mutur u l-ispirazzjoni tal-Beltin li bdew aħjar it-tieni taqsima biex kisbu l-gowl tad-draw. Punt li ħalla lil Valletta fit-tmien post tal-klassifika filwaqt li Mosta jinsabu fil-ħdax-il post, b’dawn tal-aħħar minkejja li sofrew telfa waħda għadhom qegħdin ifittxu l-ewwel rebħa, bħalma huwa l-każ ta’ Gudja, Sirens u Santa Lucia.

Telfa minima għal Sliema Wanderers li sfaw megħluba mit-tim fil-forma ta’ Marsaxlokk. Il-gowl li ddeċieda l-partita wasal seba’ minuti mit-tmiem permezz ta’ Jacob Walker. Għax-Xlukkajri din kienet it-tielet rebħa minn erba’ logħbiet biex issa jinsabu fit-tielet post tal-klassifika b’għaxar punti. Logħba li rat liż-żewġ naħat jispiċċaw bi plejer anqas wara t-tkeċċija ta’ Anthony Obonogwu għal Marsaxlokk u Neil Frendo għall-Blues. Sliema s’issa rebħu tnejn u tilfu tnejn fejn jinsabu f’nofs il-klassifika. Tim li għamel avvanzi kbar iżda jrid ikun aktar konsistenti sabiex jevita problemi akbar lejn tmiem l-istaġun.

INNUTAJNA
LI bħala parti mill-kampanja bejn il-Ministeru għall-Anzjanitá Attiva u l-Malta Football Association biex jiġi iċċellebrat u mfakkar il-Jum Dinji għall-Anzjani 2023, matul il-partiti kollha tal-Kampjonat Premier, dan il-weekend intlibsu flokkijiet bil-kliem ‘Jum Dinji għall-Anzjani 2023’. Dan bil-għan li jiżdied is-saħħa tal-programm interġenerazzjonali f’pajjiżna u fl-isport.
LI meta għaddew biss erba’ logħbiet diġà qed jibdew jissemmew ċertu kowċis li jistgħu jkunu minn tal-ewwel li jitneħħew. Timijiet li ma’ tantx għaddejjin minn mumenti tajbin bħal Gudja u Santa Lucia kif ukoll Valletta dan l-international break kien providenzjali sabiex ikunu jistgħu jistudjaw u jippjanaw il-futur tat-timijiet rispettivi.
LI jerġa jiskorja Jodi Jones għat-tim tiegħu Notts County minkejja telfa bl-iskor ta’ 5-4 kontra Colchester United. Minbarra li skorja gowl stupend, il-wirjiet tiegħu dan l-istaġun jawguraw tajjeb għall-impenji li għandu t-tim nazzjonali Malti fil-ġranet li ġejjin.
//= $special ?>