“Huwa tajjeb li jiżdiedu l-ġudikanti imma dawn għandhom jiġu sostnuti b’ħaddiema ta’ kwalità, miżura li għandha tidħol fil-Qorti għax dawn ikunu sostenna għas-sistema. Imma biex il-ħaddiema jkunu ta’ kwalità l-kundizzjonijiet tagħhom iridu jkunu tajbin.
“Sadanittant il-pressjoni tax-xogħol dejjem qed tikber u dan minħabba l-volum kbir ta’ xogħol kkaġunata b’mod partikolari mill-volum kbir ta’ nies jew entitajiet legali li f’dawn l-aħħar snin ġew Malta.
“Meta wieħed iqis li l-Qrati ftit li xejn kellhom x’jilqa’ għal dan il-fenomenu, kemm bħala numru ta’ ġudikanti u kif ukoll bħala kwalità ta’ ħaddiema għax-xogħol kollu amministrattiv u klerikali, spazju minn fejn jaħdmu u liġijiet proċedurali ma ttejbux biex jilqgħu għal dan kollu.”
Dan ħareġ mill-messaġġ tal-Prim Imħallef Mark Chetcuti fl-okkażjoni tas-sena forensi fil-preżenza ta’ għadda ta’ mistiednin li kienu jinkludu l-President tar-Repubblika George Vella, l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, ix-Shadow Minister tal-Ġustizzja Karol Aquilina, l-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard, l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia, Imħallfin, Maġistrati, eks membri tal-ġudikatura u membri distinti oħra.
Qabel dan id-diskors ġiet osservata minuta silenzju għall-Imħallef Emeritu Philip Sciberras. Il-Prim Imħallef Chetcuti qal li hu mertu tal-ġudikanti u l-istaff attwali li s-sistema ma ġġarfitx minkejja l-probkemi. Tenna iżda li rridu nammettu u ma nibqgħux ninħbew minn realtà ta’ sistema li mhix tagħti riżultati kif mistennija fi stat demokartiku Ewropew.
Tenna li li l-Qorti Kriminali u l-Qorti tal-Familja kif ukoll il-Qorti ta’ Għawdex bil-volum ta’ xogħol u numru ta’ ġudikanti dawn qed iżommu wiċċhom il-fuq mill-ilma imma bl-eżatt. Il-pressjoni ta’ xogħol fuqhom dejjem qed jikber. Stampa aġħar hi dak li qed iseħħ fil-Qrati Ċivili fil-ġurisdizzjoni ġenerali u l-Qrati tal-Maġistrati għax is-sitwazzjoni hi tali li saret waħda ta’ emerġenza fil-qasam ġudizzjarju li jeħtieġp li tiġi indirizzata bl-urġenza meħtieġa.
Il-Prim Imħallef Mark Chetcuti qal li l-Imħallfin fil-Qrati Ċivili għandhom medja ta’ 500 kawża pendenti u li dan l-ammont impossibbli qed ipoġġi piżijiet kbar fuq l-Imħallfin li jkollhom jaffaċċjaw il-kritika tal-pubbliku.
Tenna li m’hemmx biżżejjed għarfien dwar kif taħdem il-Qorti u għaliex teżisti ċertu diskrepanza bejn ċerti sentenzi u oħra. “Ibdew mill-iskejjel li jrawmu lill-istudenti fil-liġijiet u d-drittijiet fundamentali tagħhom,” qal il-Prim Imħallef.
Tenna wkoll li fl-aħħar snin tfaċċaw sfidi ġodda li għalihom ma ġewx aġġornati l-liġijiet u li fl-aħħar mill-aħħar, l-Istat huwa responsabbli li jassigura li l-ġustizzja ssir f’ħin raġonevoli.
Il-Prim Imħallef stqarr li l-istess problema hija preżenti fil-Qorti tal-Maġistrati u ppropona li dawn il-każi jinstemgħu minn tribunal jew bord fejn huwa possibbli. Hu faħħar is-sejħa għal Maġistrati ġodda li jkunu dedikati għall-inkjesti maġisterjali biss.
Qal ukoll li hu inaċċettabbli li ssir kritika mhux kostruttiva kif ukoll allegazzjonijiet bla bażi minn ġurnalisti, opinjonisti u anke uffiċjali fl-amministrazzjonijiet għoljin.
L-Imħallef staqsa jekk is-soċjetà hijiex matura biżżejjed biex il-Qorti jkollha sezzjoni tal-midja u min se jkun qed jiffinanzjaha jew taħt liema parametri se topera.
Fakkar li Malta hija magħrufa li “kulħadd jaf lil kulħadd” u li meta jinstabu risposti adattati għal dawn il-mistoqsijiet, jikkunsidra s-soluzzjonijiet. Qal ukoll li kull min daħal għal piż ta’ ġudikant irid joqgħod attent. Kien jaf jew taf li l-ħajja soċjali ma kinitx se tibqa’ l-istess.
Il-Prim Imħallef tkellem ukoll dwar is-sentenzi tal-Qorti u li dan mhux dejjem jagħmel sens għall-pubbliku. Dan għaliex għal kważi l-istess reat ġudikant ma jiddeċidiex l-istess.
Imma kull ġudikant għandu l-parametru fis-sentenzi li jagħti, l-minimu, l-massimu ta’ karċerazzjoni u f’każijiet sentenzi sospiżi. Hu stqarr li hu minnu li s-sentenza tiddependi fuq il-ġudikant imma qal li l-Parlament, “li suppost għandu l-polz tal-poplu”, għandu s-setgħa li jgħaddi l-liġijiet li jagħtu aktar poter lill-qrati.
“Mhemmx post kultura ta’ biża li t-tibdil neċċessarju mhemmx postu” – Dr. Peter Fenech – President tal-Kamta tal-Avukati
Iż-żminijiet qed jinbdidlu, l-kultura ta’ biża mit-tibdil neċċessarju mhemmx postu. Il-professjoni kollha trid taċċetta u tħaddan dan it-tibdil li għandu bżonn dan is-settur. Qed ngħid għal Politiku, għall-Ġudikatura, għall-Avukati, għall-Prokuraturi Legali u għall-ħaddiema kollha f’dan is-settur”.
Qabel id-diskors tal-Prim Imħallef, tkellem il-President tal-Kamra tal-Avukati Peter Fenech fl-ewwel diskors tiegħu f’din il-ħatra li sostna bil-qawwa kollha fuq il-ħtieġa ta’ bidla fl-istatus quo. “Irridu niżguraw li nkunu proattivi u mhux ninvestu meta jinqalgħu kriżijiet kemm lokali kif ukoll internazzjonali,” qal l-Avukat Fenech.
Hu ġibed l-attenzjoni li mingħajr innovazzjoni, dan is-settur leġislattiv jaf jitlef ir-relevanza tiegħu u jfalli milli jattira demm ġdid. Fenech saħaq fuq il-ħtieġa ta’ politika għall-għoti tas-sentenzi kif ukoll direzzjoni li tindirizza d-dewmien fil-każi.
L-Avukat Fenech tkellem ukoll fuq il-media fejn tenna li l-ġurnaliżmu hu r-raba kolonna tad-demokrazija. Tenna li l-Kamra tal-Avukati mhijiex sodisfatta li l-media f’pajjiżna hi rikonoxxuta u mħarsa kif meħtieġ biex tiżvolġi dan ir-rwol essenzjali.
Qal li llum kulħadd jaf u jidfhem il-ħsara li ġġib magħha d-disinformazzjoni, tiġi minn fejn tiġi, speċjalment fuq il-pjattaformi tal-media soċjali. Sostna li l-Kamra temmen fir-rispett mistħoqq lejn il-professjoni. Temmen li fejn dak ippubblikat huwa żbaljat, wieħed minnufiħ għandu jikkoreġi. Biss il-prevenzjoni hi aħjar mill-kura, u rridu nevitaw sitwazzjonijiet imbarazzanti li jġibu l-professjoni fuq fomm kulħadd.
Dr.Fenech wissa wkoll dwar il-problema li l-avukati Maltin ikollhom iħarsu ċerti regolamenti żejda li mhumiex preżenti fi Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea u jkunu piż inġust fuqhom.
Fenech stqarr li fl-aħħar 25 sena, l-awtoritajiet tilfu ħafna opportunitajiet fejn setgħu akkwistaw art bżonnjuża li setgħet serviet bħala estensjoni għall-Qorti li mhux tlaħħaq mad-domanda.
Semma kif bosta membri tal-ġudikatura għandhom ammont eċċessiv ta’ każi li jridu jlaħħqu magħhom u li hemm bżonn diskussjoni dwar il-case load. “Din il-problema ma tissolviex biss billi taħtar membri ġodda tal-ġudikatura.”
Fenech fakkar li Malta se tagħlaq l-20 anniversarju mindu ssieħbet fl-Unjoni Ewropea u li l-pajjiż ma żammx l-istess pass mal-bqija tal-Istati Membri. Qal li, f’isem il-Kamra tal-Avukati, jittama li sal-2030, Malta tilħaq l-istess livell bħal dawn il-pajjiżi.
Finalment hu semma l-programm Ġustizzja 2030 li qed tipproponi l-Kamra għandu jwassal sabiex nersqu aktar lejn dik l-aspirazzjoni li jħaddan il-poplu Malti u Għawdxi.
//= $special ?>