Sport Sport Ieħor

Ibburdjar: Ton Ton Laferla Insurance jirbaħ it-tellieqa tal-RMYC Fully Crewed Figure of 8

It-tellieqa Fully Crewed Figure of 8, organizzata mir-Royal Malta Yacth Club irriżultat f’waħda eċċitanti, b’ kundizzjonijiet tat-temp li għenu lill-ekwipaġġi li wrew ħila u determinazzjoni.

Il-flotta telqet mill-port ta’ Marsamxett lejn in-Nofsinhar akkumpanjata minn riħ mil-Lbiċ li kien qed jibni minn 17 sa 30 knot, u baqa’ jippersisti tul il-biċċa l-kbira tal-korsa.

Ma’ dawn il-kundizzjonijiet il-flotta kellha tiffaċċja mewġ għoli daqs żewġ metri meta tasal Marsaskala. L-ewwel ħarġu mill-port kienu Miame Too ta’ Carlo Landwehr, segwiti mill-qrib minn Ton Ton Laferla Insurance ta’ Jonathan Gambin.

Sadanittant Miame Too marru fil-vantaġġ, u hekk kif resqu qrib iċ-Ċirkewwa r-riħ beda jonqos u jċaqlaq lejn il-punent kostanti sa kemm wasal San Dimitri Point f’Għawdex. Hemmhekk ir-riħ mill-majjistral kien qed jolqot il-flotta, kif ukoll mewġ kbir li kien l-effett tar-riħ li ftit qabel kienn mill-Lbiċ.

Il-kundizzjonijiet tar-riħ raw il-flotta jtellqu f’madwar 30 mil nawtiku fis-siegħa. Ton Ton Laferla, kellhom ksur fil-bowsprit qrib ix-Xlendi iżda flok irtiraw, huma komplew bit-tellieqa tagħhom. L-ewwel jott li spiċċa t-tellieqa kienet Miame Too, fi 8 sigħat 3 minuti u 48 sekonda li kiser ir-rekord tat-tellieqa stabbilit minn Artie III fl-2022, b’distakk ta’siegħa 27 minuta.

Wara l-korrezzjoni tal-ħin, kien Ton Ton Laferla ta’ Jonathan Gambin li ħareġ rebbieħ tat-tellieqa, segwit minn Vivace ta’ Matthew Gabriele u Miame Too fejn it-tlieta li huma għelbu r-rekord tas-sena l-oħra.