Lokali

Il-Gvern għandu jieqaf jitratta lill-ġurnalisti bħala l-għadu tiegħu – PN

Il-Partit Nazzjonalista favur it-tfassil ta’ white paper u t-twaqqif ta’ Kumitat Magħżul tal-Parlament

Id-deċiżjoni ta’ Robert Abela u Jonathan Attard li jaħbu li għal aktar minn xahrejn u nofs ir-rapport imħejji mill-Kumitat ta’ Esperti tal-Midja tikkonferma li l-Gvern baqa’ jqis lill-ġurnalisti bħala l-għadu tiegħu u qed jibqa’ jfixklihom fil-qadi tad-dmirijiethom f’kull okkażjoni.

Mhux biżżejjed li aktar tard illum il-Gvern jippubblika rapport li ilu jaħbi għal xhur sħaħ. Il-Gvern għandu d-dmir li jwettaq konsultazzjoni pubblika wiesgħa u effettiva qabel ikompli għaddej bil-proċess leġislattiv quddiem il-Parlament.

Dan intqal fi stqarrija maħruġa mid-Deputati tal-Partit Nazzjonalista Karol Aquilina, Caludette Buttigieg u Graham Bencini.

Għalhekk il-Partit Nazzjonalista jinsisti li l-Gvern għandu jirtira t-tliet abbozzi ta’ liġi li hemm quddiem il-Parlament fil-preżent (Abbozzi Numri 17, 18 u 19) u minflok għandu jgħaddi sabiex jippubblika white paper li tkun tindika b’mod ċar kif ser ikun qiegħed jiżgura li l-media u l-ġurnalisti jkunu tassew protetti u kif kulħadd ikun igawdi mid-dritt għall-informazzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-Gvern u l-Parlament jibqgħu miftuħa għall-konsultazzjoni pubbliku f’kull stadju u jħeġġu lil kulħadd jipparteċipa fit-tfassil tal-abbozzi ta’ liġijiet. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista jaqbel mal-proposta tal-Media Reform Initiative li l-Parlament għandu jwaqqaf Kumitat Magħżul tal-Kamra biex jisma’ lil dawk kollha li għandhom interess fis-settur tal-media f’pajjiżna.

Il-Partit Nazzjonalista ser ikun qiegħed jippreżenta mozzjoni biex jitwaqqaf Kumitat Magħżul ġaladarba l-Gvern ikun ippubblika r-rapport imħejji mill-Kumitat ta’ Esperti tal-Midja biex b’hekk ikun il-Parlament innifsu li jwettaq konsultazzjoni pubblika kif inhu xieraq.