Lokali

Il-GWU tappella sabiex il-COLA ma tkunx intaxxata

Matul il-jum tat-Tnejn, il-General Workers Union ippreżenta d-dokument ta’ qabel il-budget fejn din il-union – l-istess bħall-Partit Nazzjonalista – qed tappella biex iż-żieda tal-COLA ma tkunx intaxxata ħalli il-poplu Malti u Għawdxi jkun jista jlaħħaq mal-għoli tal-ħajja.

F’kummenti ma’ Net News is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja qal li l-proposti fid-dokument huma kollha mmirati sabiex il-poplu jkollu kwalità ta’ ħajja aħjar.Bil-unions qed ikomplu jressqu dawn il-proposti qabel jiġi preżentat il-Budget fit-30 ta’ Ottubru li ġej.

Apparti minn hekk, Josef Bugeja saħaq fuq l-importanza li tingħata żieda adekwata għall-għoli tal-ħajja hekk kif jum wara l-ieħor il-prezzijiet qed ikomplu jogħlew; b’diversi familji jsibuha diffiċli sabiex il-paga isservihom sal-aħħar tax-xahar.

Dan id-dokument tal-GWU fih diversi kapitli li jiffukaw fuq setturi li huma importanti ħafna għal pajjiżna – fosthom is-saħħa, l-edukazzjoni, l-infrastruttura kif ukoll it-turiżmu.

Waqt din il-preżentazzjoni intqal li l-Gvern jeħtieġ li jindirizza s-settur tas-saħħa f’pajjiżna filwaqt li l-GWU tinsisti fuq il-bżonn li jkun hemm first-aider speċjalizzat fis-saħħa mentali fuq il-postijiet tax-xogħol. Appellaw anke sabiex jitlesta ċ-Ċentru tas-Saħħa li hemm fir-Rabat Għawdex, u jinbena sptar ġdid f’Għawdex.

Il-GWU saħqet fuq il-bżonn ta’ aktar investiment fl-infrastruttura kif ukoll fl-ambjent ta’ pajjiżna sabiex il-poplu jkollu kwalità ta’ ħajja aħjar. Rigward id-dewmien f’diversi proġetti ta’ toroq madwar pajjiżna l-GWU saħqet li n-negozji li jesperjenzaw telf kbir kaġun ta’ dawn ix-xogħolijiet għandhom jingħataw kumpens.

Barra minn hekk, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU appella sabiex il-Gvern iżomm is-sussidji inkluż fuq id-dawl u l-ilma.