Lokali Qorti

Il-Ministeru għal Għawdex responsabbli lejn mara li weġġgħet fi Pjazza San Franġisk

Il-Ministeru għal Għawdex kien responsabbli għat-twettiq ta’ xogħol ta’ rinovar fi Pjazza San Franġisk fir-Rabat, Għawdex li ma kienx sigur għan-nies u li dan wassal biex mara tispiċċa taqa’ u tweġġa’ sew. It-tribunal għat-talbiet iż-żgħar ma qabilx ma’ dak li qal il-Ministeru, li l-waqa’ kienet tort tal-mara u mhux tort tax-xogħolijiet li saru b’mod ħażin.

Fil-fatt is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għal Għawdex ġie ordnat mill-Ġudikatur Jean Paul Grech iħallas f’danni lil mara fis-somma ta’ €2,630 bl-imgħaxxijiet bir-rata ta’ tmienja fil-mija mid-data tas-sentenza sad-data tal-pagament għall-ispejjeż mediċi li kellha tħallas għalihom.

Carmela Grech kienet involuta f’inċident li seħħ fis-17 ta’ Frar, tal-2021 meta waqt li kienet għaddeiia bil-mixi minn Pjazza San Frangisk, tfixklet fir-reflectors tad-dawl li jinsabu fl-art bil-konsegwenza li waggħet wiċċha fl-art u ġarret ġrieħi konsiderovli kif ukoll soffriet danni konsegwenza ta’ dan l-inċident.

Il-mara kellha bżonn tmur l-uffiċċju tal-Awtorità tad-Djar fi Triq Enrico Mizzi, Victoria. Hija ipparkjat il-vettura tagħha wara l-Knisja ta’ San Franġisk u bdiet miexja fid-direzzjoni tal-uffiċċju fejn riedet tmur. Hekk kif waslet fi Pjazza San Franġisk quddiem entratura laterali li twassal għall-uffiċċju tal-anzjani fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, hija sabet il-bankina ostakolata minħabba xogħlijiet li kienu qegħdin isiru u b’hekk kellha tinżel timxi fit-triq.

Hija u għaddejja mit-triq, Grech tfixklet f’reflectors li kienu ġew installati mal-ġenb tat-triq intiżi biex jiggwidaw il-vetturi matul il-ħinijiet tal-lejl, waqgħet fl-art u ġarrbet ġrieħi konsiderevoli. Fost il-ġrieħi spiċċat tajret sinna li eventwalment hija kellha taqlagħha u tagħmel implant minflokha.

Hawn il-Ministeru qal li ma kellu xejn x’jaqsam imma ritratti esebiti u li ittieħdu ftit ħin wara li seħħ l-incident juru mid ieħor. Dawn jindikaw li x-xogħlijiet assolutament ma kinux lesti. Biss biss biżżejjed jingħad li pajpijiet tas-servizzi kienu għadhom barra u mhux magħluqa u d-dawl dekorattiv tal-faccata tal-Ministeru lanqas kien għadu twaħħal.

Infatti fir-ritratti jidhru numru ta’ toqob fl-art li eventwalment fihom ġie installat id-dawl dekorattiv għall-faccata tal-Ministeru għal Għawdex. Dan ġie verifikat mit-Tribunal stess waqt l-aċċess li inżamm meta qabbel ir-ritratti esebiti ma’ dak li attwalment hemm fis-sit illum.

Ir-ritratti esebiti jikkonfermaw wkoll li l-bankina kienet ostakolata b’pellets u numru ta’ madumiet li jintużaw fil-kostruzzjoni tal-bankini. Dawn kienu mitfugħin ’l hawn u ’l hinn tul il-bankina u parti minnhom kienu qegħdin jintużaw biex jitgħattew toqob li kien hemm fl-istess bankina.

Saħansitra dan il-madum kien qed jokkupa kważi l-ispazju kollu tal-bankina bil-konsegwenza li min
ikun għaddej bil-mixi irid bil-fors jinżel fit-triq biex jevita li jaqa’ fil-madum. Minkejja dawn l-ostakoli li kien hemm, ma jidher li kien hemm l-ebda arranġamenti magħmula minn min kien responsabbli mix-xogħlijiet biex nies li jkunu għaddejjin bil-mixi jgħaddu minn postijiet alternattivi li ma jkun fihom l-ebda ostakolu jew ingombru.

Il-vittma għalhekk spiccat li kellha tinżel mill-bankina u timxi mal-ġenb tat-triq biex tkompli miexja lejn id-destinazzjoni tagħha. Kienet ir-responsabbilita ta’ min kien qed jagħmel dan il-proġett. It-Tribunal qal f’dan il-każ il-Ministeru għal Għawdex – li jara li jipprovdi aċċess specifiku minn fuq il-bankina jew post ieħor li jkun liberu minn kull ostakolu u perikolu biex in-nies jkollhom minn fejn jgħaddu bil-mixi b’mod sigur u mingħajr riskji u mingħajr ma jkunu kostretti li jgħaddu mal-ġenb tat-triq kif ġara f’dan il-każ.

Wieħed jifhem li x-xogħlijiet jridu jsiru; pero fl-istess ħin it-Tribunal ma jqisx li t-tħollija ta’ materjal fin-nofs ta’ bankina intiża għall-użu tan-nies mingħajr ma fl-istess ħin jiġi provdut passaġġ sigur għan-nies kien aġir responsabbli da parti tal-Ministeru għal Għawdex u tal-ħaddiema tiegħu.

Anzi huwa evidenti ta’ traskuraġni grassa u ta’ nuqqas ta’ rispett ta’ regolamenti bażiċi dwar saħħa u sigurta. It-Tribunal qal li l-mara waqgħet propju għaliex minħabba l-ingombru li kien hemm fuq il-bankina kienet kostretta timxi mal-ġenb tat-triq.

Saqajha tfixklet fil-‘car reflectors’ u ġiet wiċċha fl-art. Il-ġrieħi li soffriet l-attriċi ġew spjegati fid-dettal
minnha stess u sostnuti b’ċertifikati mediċi u anke affidavit tad-dentista Dr. Marion Farrugia Cassar. Għalkemm il-Perit Sultana fix-xhieda tiegħu sostna li r-‘reflectors’ tat-triq li fihom waqgħet il-mara huma standard u approvati internazzjonalment, dawn huma disinjati effettivament għall-vetturi u mhux għan-nies li jkunu mexjin.

Għalhekk għalkemm dawn ir-reflectors jistgħu jitqiesu li huma siguri għall-vetturi u ma joffru l-ebda ostakolu għall-mogħdija tagħhom, mhux l-istess jista’ jingħad għan-nies li jkunu mexjin. Il-fatt li dawn ir-reflectors jisporġu ’l fuq mill-art – kif sewwasew spjega l-Perit Sultana – jikkostitwixxi perikolu (‘hazard’) għal min ikun għaddej bil-mixi fit-triq peress li faċilment wieħed jista’ jitfixkel fihom.

Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet it-Tribunal iqis għalhekk li l-Ministeru għandu jitqies unikament responsabbli għall-incident li seħħ. In-nuqqasijiet huma ovvji. It-Tribunal qal ukoll li jqis inaċċettabbli li bankina f’post frekwentat minn daqshekk nies bħal ma hi Pjazza San Franġisk kellha titħalla fl-istat li jidher fir-ritratti esebiti u fl-istess ħin ma jittieħdu l-ebda forma ta’ prekawzjonijiet biex titħares is-saħħa u sigurtà ta’ nies li jkunu għaddejjin bil-mixi.

Ir-ritratti li ġew esebiti wkoll juru li l-vittma ħadet daqqa mhux ħażin x’ħin waqgħet fl-art. Infatti jidhru l-ġrieħi li hija soffriet f’ħalqha. Il-mara kisret parti mis-sinna bil-waqa’. Il-proċedura sabiex isir l-implant ammonta għas-somma ta’ €2,630 li tħallsu f’żewġ pagamenti separati, li din is-somma issa trid tingħata lill-vittma mill-Ministeru konċernat.