Il-Professuri Katalin Kariko u Drew Weissman se jaqsmu l-Premju Nobel għall-Mediċina wara li huma żviluppaw it-teknoloġija tat-tip mRNA li permettiet għall-vaċċini effettivi kontra l-virus tal-Covid-19.
It-teknoloġija kienet għadha fi stadju sperimentali qabel il-pandemija u meta llum miljuni kbar ta’ nies madwar id-dinja ħadu d-dożi tal-vaċċin li, fil-parti kbira, jipproteġihom kontra l-kumplikazzjonijiet serji u anki fatali tal-virus.
L-istess teknoloġija tal-mRNA fil-preżent qed tkun suġġetta għal riċerka anki bit-tama li jinstabu rimedji aħjar għal tipi oħra ta’ mard li jinkludu l-kanċer.
Il-Kumitat tal-Premju Nobel qal, intant, li l-professuri Kariko u Weissman ikkontribwew bil-kbir għall-iżvilupp tal-vaċċin fiż-żmien ta’ waħda mill-akbar theddid għas-saħħa fuq livell globali.
Intant, Kariko u Weissman – it-tnejn Amerikani — laqgħu dan l-unur b’ferħ kbir wara li kienu infurmati dwaru bit-telefon. Iż-żewġ professuri kienu ltaqgħu fis-snin disgħin meta kienu qegħdin jaħdmu fl-Università ta’ Pennsylvania (fl-Istati Uniti) u meta r-riċerka relatata mal-mRNA ma kenitx qed tingħata wisq prominenza minn aspett xjentifiku.
Ix-xogħol u l-istudju tagħhom, fil-fatt, fetħu ‘tieqa’ ġdida fuq il-mod kif il-vaċċini jgħinu lill-immunità tal-ġisem biex jirreżisti għal numru ta’ viruses jew bakterja.
//= $special ?>