Lokali

Il-Gvern jikkonferma li se jagħlaq l-Air Malta

"We did what needed to be done" - Clyde Caruana

Tasal il-konferma uffiċjali… il-Gvern ta’ Robert Abela għal darb’oħra reġa’ falla. Dan hekk kif il-linja nazzjonali tal-ajru ta’ pajjiżna se tagħlaq; kapitlu ieħor iswed fl-istorja tal-Labour.

Għalkemm fl-2019 l-eks Ministru Konrad Mizzi kien qal li l-Air Malta kienet qed tagħmel profitt, issa  – erba’ snin wara – dan kollu sfuma fix-xejn, hekk kif din il-kumpanija spiċċat falliet. Bil-Prim Minstru Robert Abela ma qalx min se jkun qed jerfa’ responsabbiltà għal dan  il-familliment u għal dan it-telf ta’ flus li għamlet din il-kumpanija. 

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, il-Ministru tal-Finanzi stess ammetta li l-linja nazzjonali tal-ajru fl-aħħar snin kienet iddominata mill-inċertezza… inċertezza li issa jidher li se tkompli tippersisit, hekk kif tħabbar li l-ħaddiema li llum huma impjegati mal-Air Malta jridu jerġgħu japplikaw mill-ġdid mal-kumanija l-ġdida li se tibda topera fl-aħħar ta’ Marzu tas-sena d-dieħla.

Dan kollu jitfa’ pressjoni kbira fost l-impjegati u l-familji hekk kif il-futur tagħhom huwa wieħed inċert peress li m’għandhomx garanzija totali li se jiġi trasferiti mal-kumpanija l-ġdida – li se tkun qed tissejjaħ KM Malta Airline PLC.

Jidher ukoll li se jkun hemm kundizzjonijiet tax-xoghol ġodda għal numru ta’ ħaddiema, fejn dan ukoll qed joħloq inċertezza kbira għal dawn il-ħaddiema.

Intant, meta tibda topera din il-linja tal-ajru ġdida,  il-flotta tal-ajruplani se tkun dik ta’ tmienja bi tlieta minnhom huma ajruplani ġodda… ajruplani li se jkunu qed joperaw lejn 17-il destinazzjoni differenti fosthom dawk ta’ Heathrow u Gatwick f’Londra, Amsterdam. Berlin, Brussell, Pariġi. Katanja, Lion, Madrid, Milan, Ruma, Praga, Zurich u Vjenna. 

Intqal ukoll illi l-iskema tal-irtirar tal-piloti u tal-cabin crew, fi żmien sitt snin se tispiċċa. Dan hekk kif il-piloti għandhom ċans ta’ erba’ snin biex jiddeċiedu jekk jibqgħux impjegati tal-Air Malta jew jitilqu… f’każ li jitilqu, jibbenifkaw mill-iskema tal-irtirar kmieni bil-patt u l-kundizzjoni li ma jistgħux japplikaw biex jaħdmu mal-Gvern.

Fil-każ tal-cabin crew, il-ħaddiema għandhom ċans sa erba’ snin biex jitilqu u jibbenefikaw minn din l-skema iżda jekk jagħmlu dan, għandhom terminu ta’ sitt snin li matulhom ma jistgħux jaħdmu mal-Gvern. 

Tħabbar ukoll li wara tliet snin minn meta  tibda topera l-kumpanija l-ġdida, iridu jibdew diskussjonijiet biex parti minnha tkun privatizzata.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet intqal li fl-ewwel ta’ Novembru li ġej, se tingħata rifużjoni tal-biljetti lil dawk kollha li xtraw biljetti tal-ajru għal titjira li se ssir  wara l-31 ta’ Marzu tal-2024.  Imbagħad mill-ewwel ta’ Dicembru ta’ din is-sena, il-pubbliku jista’ jibda jaqta’ l-biljetti mal-linja nazzjonali tal-ajru l-ġdida.

Net News staqsa lill-Prim Ministru jekk David Curmi, li huwa ċ-Chairman Eżekuttiv tal-Air Malta, hux se jkollu rwol fil-linja nazzjonali l-ġdida… b’Abela għal darb oħra ma weġibx jekk hux se jibqa’ jew le.