Lokali

AĠĠORNATA: Imut l-eks Imħallef u eks Deputat Laburista Philip Sciberras

Il-Partit Laburista fi stqarrija sellem il-memorja ta’ Philip Sciberras, eks Imħallef li serva wkoll bħala Deputat fil-Grupp Parlamentari Laburista mill-1979 sal-1986.

L-aħbar tal-mewt tiegħu ingħatat mit-tfal tiegħu permezz ta’ komunikat fuq il-mezzi soċjali, fejn stqarrew illi l-memorji tiegħu se jibqgħu iħaddnuhom għal dejjem.

Huwa kellu imħabba kbira lejn il-letteratura Maltija fejn bħala awtur u poeta kiteb u ġew ippublikati diversi kitbiet relatati mal-ilsien Malti u publikazzjonijiet legali.

Riċentament, Sciberras kien għadu kif ikkonkluda l-ewwel ktieb minn serje ġdida – bit-tnedija tiegħu pjanata li ssir fil-jiem illi ġejjin. Dan huwa l-legat li se jibqa’ magħna għas-snin li ġejjin, kiteb ibnu Andrew fuq Facebook.

Philip Sciberras miet wara li kien ilu żmien twil jikkumbatti marda terminali.

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija wkoll sellem il-memorja ta’ Philip Sciberras, u wassal il-kondoljanzi lill-qraba u l-ħbieb kollha tiegħu.