Ġie inawgurat iċ-Church Trails of Mata, proġett li permezz tiegħu knejjes li jinsabu f’26 lokalità madwar Malta, inġabru ġeografikament biex titjib l‑esperjenza tal‑Maltin u t‑turisti li jżurhom u jiġi apprezzat aktar il‑patrimonju kulturali Malti. Il‑knejjes u l-kappelli magħżula huma l‑istess li f’dawn l‑aħħar ħames snin għaddew minn xogħol ta’ konservazzjoni u restawr permezz ta’ fondi Ewropej, b’ħafna miż-żoni huma ddedikati lill‑Madonna u lil San Pawl.
Bil‑għan li dawn ix‑xogħlijiet ta’ restawr iħallu riżultat pożittiv fuq il‑prodott turistiku Malti, il‑knejjes inġabru fi tliet gruppi ta’ rotot – it‑Tramuntana, iċ‑ċentru, u n‑Nofsinhar ta’ Malta- sabiex it‑turist ikun jista’ jagħżel ir‑rotta skont iż‑żona li jixtieq iżur. Sabiex tiġi ffaċilitata din l‑għażla, inħolqot il-website churchtrailsmalta.com b’iktar dettalji dwar il‑proġett ta’ restawr li sar f’kull post tar-rotta.
Dawn id‑dettalji tħabbru f’konferenza tal‑aħbarijiet indirizzata mill‑Isqof Awżiljajru Joseph Galea‑Curmi fil‑preżenza tal‑Ministru għat‑Turiżmu Clayton Bartolo, is‑Segretarju Parlamentari għall‑Fondi Ewropej Chris Bonett u s-Segretaru Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross.
L‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi qal li l‑proġetti kollha ta’ restawr li saru f’dawn il-ħames snin kif ukoll il‑proġett taċ‑Church Trails of Malta huma att ta’ ġustizzja ma’ dawk li ġew qabilna u ħallewlna dan il‑patrimonju li permezz tiegħu esprimew il‑fidi tagħhom b’mod sabiħ. Qal li propju għalhekk, irridu nagħmlu l‑almu tagħna sabiex inħarsu dan il‑patrimonju ħalli jkun apprezzat mill‑Maltin kollha llum u mit‑turisti li jiġu jżuruna, kif ukoll mill‑ġenerazzjonijiet futuri li lilhom irridu nħallu wirt tassew sabiħ. L‑Isqof saħaq li jħares ’il quddiem għal aktar proġetti ta’ kollaborazzjoni li jħallu l‑ġid fis‑soċjetà tagħna. Irringrazzja lil kull min ta’ sehmu f’dan il‑proġett, b’mod partikolari lill‑Fondazzjoni għall‑Patrimonju Kulturali tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta, lill‑EMCS għas‑servizz ta’ konsulenza, u lid‑diversi restawraturi li ħadmu fuq il‑proġetti kollha.
//= $special ?>