Il-qawwiet tal-ajru tat-Turkija fl-aħħar sigħat attakkaw zona lejn in-naħa ta’ fuq tal-Iraq fejn hemm il-bażijiet tal-militanti Kurdi tal-PKK li ilhom mis-snin tmenin jiġġieldu gwerra kontra Ankara. L-istess militanti li, għal snin sħaħ, wettqu diversi azzjonijiet terroristiċi fl-ibliet tat-Torok.
Ir-rejd tal-militar kien tweġiba għall-isplużjoni suwiċida tal-Ħadd barra l-bini tal-Gvern ta’ Ankara u li fiha nqatlu ż-żewġ aggressuri responsabbli – b’numru ta’ nies, inklużi uffiċjali tal-pulizija, jispiċċaw midruba.
Intant, l-isplużjoni tidher li kienet ippjanata biex ‘tikkoinċiedi’ mal-ftuħ tal-Parlament wara l-btajjel ts-sajf, bil-Gvern Tork iwiegħed tweġiba minnufih għall-aggressjoni u li fil-fatt seħħet.
Kelliema għall-grupp PKK, issa, assumew responsabbilta għall-attakk f’Ankara għan-nom tal-entità li t-Turkija u diversi pajjiżi tal-Punent iqisuha bħala waħda terroristika.
Sadanittant, l-ajruplani militari tat-Turkija immiraw għall-għerien, fabbriki abbandunati kif ukoll shelters li allegatament qed jintużaw mill-ġellieda tal-PKK fl-Iraq.
Fl-istess ħin, il-Gvern Tork għamilha ċara li se jkompli jwettaq azzjonijiet militari bħal dawn kontra l-bażijiet tal-allegati terroristi anki ‘il hinn mit-Turkija u bħala parti minn kampanja li tħares is-sigurtà tal-poplu ċivili li jibqa’ vulnerabbli għal kwalunkwe terroriżmu.
//= $special ?>