Il-Prim Minstru Robert Abela qed jibqa’ jiddefendi b’saħħa kbira lil dawk kollha involuti fir-racket tal-liċenzji tas-sewqan… fosthom lill-Ministru Ian Borg. Dan hekk kif għalih, dawk kollha li jinsabu imċappsa ma’ dan l-iskandlu…. ma kienu qed jagħmlu xejn ħażin.
Il-Ħadd, it-Times of Malta żvelat chats li kixfu l-korruzzjoni sistematika li matul dawn l-aħħar snin kienet koordinata mill-Gvern tal-Labour b’rabta mal-eżamijiet tal-liċenzji tas-sewqan.
Rapport dettaljat kixef kif mijiet ta’ ismijiet kienu mgħotija lil Clint Mansueto, id-Direttur tal-Liċenzji fi ħdan Transport Malta – u fosthom, kien hemm saħansitra ismijiet mgħoddija mill-Ministru Ian Borg.
Fost l-oħrajn ġie żvelat is-sehem ta’ uffiċjali mill-Customer Care tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, l-Assistenta Personali tal-Prim Ministru nnifsu u ċ-chief of staff tal-Ministru għal Għawdex. Iżda quddiem dan kollu, għal Robert Abela qisu xejn mhu xejn.
Il-provi ippubblikati mit-Times huma xokkanti; provi li dawrhom il-pulizija għadha m’għamlet xejn.
Saħansitra kien hemm min, bħal Michael Buhagiar, Chief of Staff tal-Ministru Clint Camilleri…u Ray Mizzi, eks uffiċjal tal-Customer Care fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru stqarrew fiċ-chats li qed jgħaddu l-ismijiet ta’ persuni biex jakkwistaw il-vot tagħhom – b’uħud miċ-chats jinkludu wkoll il-frażi “Viva l-Labour!”
Fost litanija twila ta’ ismijiet, f’dawn iċ-chats issemmew Mark Sammut, Chairman tal-PBS – fejn b’insistenza kien talab lil Mansueto biex jaqdilu lil xi ħadd u jġiblu data ta’ test f’siegħa….b’Mansueto jaqdih minnufih b’data ħamest ijiem wara.
Preżentament kemm Mansueto kif ukoll żewġ uffiċjali ta’ Transport Malta Philip Edrick Zammit u Raul Antonio Pace jinsabu akkużati b’korruzzjoni – huma qed jiċħdu l-akkużi.
//= $special ?>