Illum tiftaħ dik li hi magħrufa bħala s-Sena Forensi; okkażjoni li permezz tagħha jitfakkar dan il-jum importanti għax-xoghol tal-Qrati f’pajjiżna.
Intant għal din l-okkażjoni fl-omelija tiegħu waqt quddiesa li saret fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi talab lill-Mulej biex iħares lil dawk kollha li jaħdmu f’dan il-qasam.
Galea Curmi talab lill-Mulej jipproteġihom minn mentalità fejn il-ħażin hu ġġustifikat jew skużat, fejn il-ħażin isir stil ta’ ħajja u jsir istituzzjoni li tikseb normalità… mentalità fejn l-ugwaljanza tissemma biss għal ċerti oqsma fis-soċjetà imma trattament ugwali ma jkunx għal kulħadd; fejn hemm il-liġi li tgħodd għal ċerti nies imma ma tgħoddx għal oħrajn.
Huwa talab ukoll biex il-Mulej jipproteġihom minn mentalità ta’ qtigħ ta’ qalb, li jitfi l-kuraġġ li jkollok bżonn biex tieħu deċiżjonijiet ġusti, ukoll jekk mhux popolari, jew qed tmur kontra l-kurrent.
Preżenti għal din iċ-ċelebrazzjoni kien hemm il-Kap tal-PN Bernard Grech, l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rapprezentati Anglu Farrugia, il-Kelliem tal-Oppiżizzjoni għall-Ġustizzja Karol Aquilina, il-Prim Imħallef, l-Avukat Ġenerali kif ukoll Membri tal-Ġudikatura.
//= $special ?>