Lokali

Wieħed mill-persuni implikati fir-racket tal-liċenzji tas-sewqan mar jieħu d-donazzjonijiet waqt il-maratona tal-Labour

Wieħed mill-persuni implikati fir-racket tal-liċenzji tas-sewqan, Ray Mizzi, ilbieraħ kien preżenti jirrispondi t-telephone waqt il-maratona li organizza l-Partit Laburista.

Ray Mizzi, eks uffiċjal tal-Customer Care fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u persuna prominenti ferm fil-Labour, kien għadda aktar minn 30 isem bejn l-2018 u l-2021 biex jgħaddu mill-eżami tas-sewqan. Dan ħareġ minn numru ta’ chats ippubbllikati lbieraħ mit-Times, illi kixfu l-korruzzjoni sistematika li matul dawn l-aħħar snin kienet koordinata mill-Gvern tal-Labour b’rabta mal-eżamijiet tal-liċenzji tas-sewqan.

Rapport dettaljat kixef kif mijiet ta’ ismijiet kienu mgħotija lil Clint Mansueto, id-Direttur tal-Liċenzji fi ħdan Transport Malta – u fosthom, kien hemm saħansitra ismijiet mgħoddija mill-Ministru Ian Borg.

Fost l-oħrajn ġie żvelat is-sehem ta’ uffiċjali mill-Customer Care tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, l-Assistenta Personali tal-Prim Ministru nnifsu u ċ-chief of staff tal-Ministru għal Għawdex.

Saħansitra kien hemm min, bħal Michael Buhagiar, Chief of Staff tal-Ministru Clint Camilleri…u Ray Mizzi, eks uffiċjal tal-Customer Care fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru jgħidu fiċ-chats li qed jgħaddu l-ismijiet ta’ xi persuni biex jakkwistaw il-vot tagħhom – b’uħud miċ-chats jinkludu wkoll il-frażi “Viva l-Labour!”

Kien hemm istanti fejn Ray Mizzi ħeġġeġ lil Clint Mansueto biex ma jaqdix lil xi nies, għax mhux Laburisti bil-messaġġ jaqra: Injorah sieħbi Jien l-anqas naf jekk tistax tirrangalu peress li tal-mutur. Ghedt forsi tkun taf lil xihadd. No worries, aktar u aktar xaktarx li huwa kontra. F’ghoxx kemm ghandu.

B’Mansueto jirrispondih: KING INT u Mizzi jwieġbu, ommu magħna biss.

It-Times kkuntattjaw lil Mizzi, li illum jaħdem mal-Ministru Michael Falzon, fejn saħaq li xogħlu kien li jgħin lil dawk kollha li jagħmlu kuntatt mal-customer care tal-OPM.