It-Tim Malti temm l-impenji tiegħu fil-Kampjonat Dinji tan-Nofs Maratona fil-Latvja bi prestazzjoni tajba fost uħud mill-aqwa atleti fid-dinja fuq din id-distanza. It-tliet atleti rġiel, Luke Micallef (1:06:55), Dillon Cassar (1:08:20) u Simon Spiteri (1:08:37) kisbu ħinijiet rispetabbli f’tellieqa mirbuħa minn Sabastian Sawu tal-Kenja.
Il-ħin totali tat-tlieta atleti Maltin poġġa lil Malta fis-17-il post globalment, minkejja l-isfortuna li Dillon Cassar sofra diffikultajiet fiżiċi matul il-parti l-kbira tat-tellieqa.
Fost in-nisa, Joelle Cortis irreġistrat ħin ta’ 1:20:47 filwaqt li Lisa Bezzina temmet in-nofs maratona f’1:25:10. Peres Jepchirchir tal-Kenja kkonfermat il-qawwa tagħha fuq din id-distanza meta rebħet dan l-avveniment għat-tielet darba.
Malta kienet preżenti wkoll fit-tellieqa tal-Mil b’Ġina Mcnamara ttemm fil-25 post b’ħin ta’ 4:53.54. L-Etijopjana Diribe Welteji b’reħbet it-titlu b’rekord dinji ġdid ta’ 4:20.98.
Il-parteċipazzjoni ta’ Tim Malta kienet appoġjata minn Sport Malta u l-Kumitat Olimpiku Malti.
//= $special ?>