Delegazzjoni Parlamentari Maltija, immexxija mid-Deputat Speaker tal-Kamra tad-Deputati David Agius, tinsab il-Ghana biex tipparteċipa fis-66 edizzjoni ta’ Konferenza Parlamentari tal-Commonwealth (CPC).
David Agius, flimkien mad-Deputati Carmelo Abela u Graziella Attard Previ, jinsabu fil-kapitali tal-Ghana Accra biex jieħdu sehem f’din il-konferenza parlamentari, li hi l-konferenza annwali tal-pajjiżi li jiffurmaw il-Commonwealth u hi fil-fatt l-akbar laqgħa annwali li tlaqqa’ flimkien diversi membri parlamentari minn dawn il-pajjiżi biex jiddiskutu temi politiċi ta’ interess parlamentari.
Din is-66 konferenza CPC għandha bħala tema ‘The Commonwealth Charter 10 years on: Values and Principles for Parliaments to Uphold’.
Is-sena 2023 timmarka, fil-fatt, l-10 anniversarju taċ-Charter tal-Commonwealth li jiffoka fuq il-prinċipji u l-valuri mħaddna mill-pajjiżi tal-Commonwealth.
Fl-istess jiem tal-konferenza annwali, hemm skedati wkoll numru ta’ laqgħat u konferenzi żgħar oħra bl-istess tema, fosthom laqgħat magħrufa bħala ‘Small Branches Conference’ li l-Parlament Malti hu membru tagħha. Din il-konferenza tikkonsisti f’erba’ workshops għal membri parlamentari f’ġurisdizzjonijiet żgħar.
L-attivitajiet f’Accra, il-Ghana, b’konnessjoni mas-66 Konferenza Annwali tal-Commonwealth, bdew uffiċjalment nhar is-Sibt li għadda, 30 ta’ Settembru, u jintemmu nhar il-Ġimgħa li ġej, 6 ta’ Ottubru.
Fir-ritratt jidhru d-Deputati tal-Oppożizzjoni David Agius, Deputat Speaker, u Graziella Attard Previ, mal-wasla tagħhom f’Accra.
//= $special ?>