Indjan ta’ 32 sena residenti San Pawl il-Baħar ġie kundannat erba snin ħabs mill-Maġistrat Nadine Lia sabitu ħati li fl-24 ta’ Awwissu 2021 għall-ħabta tas-7pm. f’San Pawl il-Baħar wettaq atti ta’ natura sesswali mhux kunsenswali fil-konfront ta’ mara Maltija.
Jeffry Varghese instab ħati li wara li offra għajnuna mara li l-karozza tagħha ma setgħetx tistartja, spiċċa biex bil-forza mess il-partijiet intimi tagħha, minkejja r-reżistenza li saret minn naħa tagħha. Huwa instab ħati wkoll li żamm u ssekwestra lil mara kontra l-volontà tagħha, li kkommetta serq ta’ vettura Suzuki Alto u li kkawża ħsara fuq l-istess karozza.
Il-mara qalet li kienet qed issuq fi Triq it-Tamar, San Pawl il-Baħar, viċin ħafna tad-dar tagħha. F’daqqa waħda, semgħet ħoss u ħasbet li kienet ħabtet u għalhekk ħarġet biex tara x’ġara. Meta kkonfermat li kollox kien sew, ippruvat terġa’ tidħol fil-karozza.
Dak il-ħin hi rat lill-akkużat bil-wieqfa fil-viċin tagħha. Wara li ppruvat tistartja l-karozza, imma mingħajr suċċess. Varghese offra l-għajnuna u l-mara aċċettat. Huwa mbagħad qalilha biex toħroġ mill-karozza. Il-vittma qalet li dan kien raġel twil u bid-daqna li kien quddiem il-vann tagħha meta mar ħdejha u offrielha l-għajnuna.
Fix-xhieda tagħha qalet li kien pront qabadha minn idejha u ġibidha l-barra mill-karozza u daħal fiha u rnexxielu jistartja l-karozza. Qabel daħal fil-karozza qalilha biex tipparkja mal-ġemb. Meta startja l-karozza, ma riedx joħroġ minnha.
Meta rat li ma kienx se joħroġ mill-karozza, marret fuq is-seat tal-passiġġier u dak il-ħin qalilha biex isuq il-karozza fejn hemm aktar spazju u jsuqilha barra mid-djuq tat-triq. Hawn beda jsuq iżda ma riedx jieqaf u hi qaltlu kemm il-darba sabiex jieqaf iżda baqa’ jsuq.
Waqt li kien qiegħed isuq beda jaqbdilha u jgħafsilha sidirha u hi kull darba bdiet tneħħielu jdejha. Qalet li qabdilha sidirha tliet darbiet. Meta neħħietlu jdejh, niżżel idejh fuq kuxtejjha u pprova jersaq lejn il-parti intima tagħha iżda hi bdiet tiċċaqlaq u neħħietlu jdejh biex finalment għalkemm hu pprova tliet darbiet, qatt ma rnexxielu jmiss l-parti intima tagħa.
Wara qabadha minn idejha u ġibidha fuqu u dak il-ħin reġa’ għafsilha sidirha. Hu kompla jsuq u mbagħad waqaf ħdejn il-knisja. Qaltlu biex joħroġ mill-karozza iżda baqa’ ma ħariġx. Minn naħa tagħha hi ppruvat toħroġ mill-karozza u hu qalilha li ma tistax u li jekk toħroġ, kien hemm xi nies li kienu se jisparawlha.
Dak il-ħin ippunta subajh fid-direzzjoni tal-knisja. Hi rnexxielha tiftah il-bieba tal-karozza u huwa ġibidha lura minn idejha. Hi għajjtet mara Maltija li ma tafx min hi u talbitha biex iċċempel lill-pulizija. Huwa ġibidha l-ġewwa u rnexxielu jgħalaq il-bieba tal-karozza.
Il-mara qalet li reġgħet fetħet il-bieba u rnexxielha toħroġ mill-vettura. Huwa qalilha tliet darbiet li jekk toħroġ mill-karozza kien hemm xi nies li kienu se jisparawlha. Meta ħarġet mill-karozza, marret n-naħa tieghu biex tipprova taqla ċ-ċweivet mill-ignition iżda hu kien dlonk tella t-tieqa.
Qalet li talbitu biex jagħtiha ċ-ċwievet iżda hu minflok, għafas il-pedala tal-gas u telaq minn fuq il-post mingħajrha. Meta rat li telaq, reġgħet marret fi Triq it-Tamar ghax ħasbet li kien se jerġa jmur hemm iżda ma ratux u għalhekk baqgħet sejra l-għassa.
Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li tqis li x-xhud kienet konsistenti fix-xhieda tagħha u li m’hemm l-ebda raġuni biex ma temminx minn xhiex għaddiet jew li seħħew l-atti mill-akkużat. Min-naħa l-oħra, il-Qorti ssib ukoll li ċerti nies fil-qrib ta’ dak li ġara kienu preżenti fuq ix-xena jistgħu jikkonfermaw aspetti tal-verżjoni tal-avvenimenti u l-sekwenza ta’ dak li seħħ.
L-imputat għażel li jwieġeb parzjalment partijiet mill-istqarrija li ttieħdet meta ġie interrogat u għażel ukoll li volontarjament jagħti xhieda fil-qorti. Miż-żewġ verżjonijiet tiegħu jirriżulta li mhux qed jikkontesta li kien fil-post fid-data u ħin in kwistjoni.
Lanqas ma huwa kkontestat li ġie f’kuntatt mal-parte civile. Bħala tali ma jikkontestax dak li tgħid il-vittma għax iddikjara fiż-żewġ każijiet li meta seħħewl-inċidenti ma kellux memorja jew tifkira ta’ dak li ġara peress li kien stordut u fis-sakra kif kien jikkonsma alkoħol li kien xtara minn supermarket u kien xorob ma’ sħabu.
Għalhekk, l-imputat innifsu kkonferma li kien fuq il-post fid-data inkwistjoni u wkoll li kien f’ kuntatt mal-vittma. L-imputat għamel id-difiża tiegħu primarjament fuq il-fatt li ma jistax jiftakar xejn li ġara. Hu mhuwiex obbligat li jagħti xhieda jew jipprovdi evidenza. Madankollu, jekk jagħżel li jagħmel hekk imbagħad ikun suġġett għal skrutinju mill-qorti.
Il-Qorti ssib li dan in-nuqqas ta’ memorja ma jeżonerahx biżżejjed jew jipprovdi biżżejjed dubju fil-każ tal-prosekuzzjonijiet li jeħilsu mir-responsabbiltà. Il-Qorti tenfasizza li sejba ta’ ħtija hija r-responsabbiltà tal-prosekuzzjoni biex tilħaq il- limitu legali meħtieġ.
Il-Qorti ħadet nota wkoll tal-provi tal-ħabib tal-imputat Francis Sinu Thattuparambil li kkonferma wkoll il-preżenza tal-akkużat fid-data u ħin in kwistjoni. Barra minn hekk ikkonferma wkoll li l-imputat kien xorob u li kien mar ħdejn il-vittma u kien f’kuntatt magħha.
Għalhekk il-Qorti ssib li l-prosekuzzjoni rnexxielha tipprova l-akkużi kollha. Wara li qieset il-kondotta tiegħu sabet lil Jeffry Varghese ħati tal-akkużi miġjubin kontrih u għalhekk, tikkundannah għal erba’ snin priġunerija. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Saviour Baldacchino.
//= $special ?>