Lokali Qorti

Erba’ xhur ħabs għal Ingliż bi problema ta’ droga fuq attentat ta’ serq

Ingliż ta’ 33 sena li m’għandux indirizz fiss u li matul il-lejl inqabad mill-pulizija jipprova jisraq minn diversi karozzi fl-Imġarr ġie kundannat erba’ xhur ħabs mill-Maġistrat Monica Vella. Fil-Qorti ħareġ li Robert Alan Smith talab lill-Pulizija bil-ħniena biex jgħinuh għax għandu l-vizzju tad-droga.

Smith, instab ħati li fis-7 ta’ Mejju li għadda, għall-ħabta tal-12.15am, ipprova jisraq mill-karozza fl-Imġarr biex isostni l-kilba li għandu għad-droga. Resident fl-inħawi qal fil-qorti li meta kien rieqed il-mara qajmitu u qaltlu li kien hemm xi ħadd qed jipprova jisraq mill-karozzi.

Wara li l-pulizja kienu nfutmati waslu mill-ewwel fuq il-post u arrestaw lir-raġel fejn beda jitlobhom jgħinuh. Waħda mis-sidien tal-karozzi fil-mira tal-akkużat qalet lill-pulizija li ma sakritx il-karozza Kien hemm ukoll persuna li bdiet tgħajjat ma’ Smith, meta ratu jipprova jiftaħ karozza fi Triq Vitale.

Surġent tal-Pulizija qal fil-Qorti li kien xogħol fl-Għassa tal-Mosta meta rċieva telefonata mill-kamra tal-kontroll fejn qalulu li persuna maskili liebes ‘hoodie’ u shorts kien fetaħ jew kien qed jipprova jisgassa xi
karozzi fl-Imġarr.

Huwa mar fuq il-post fi Triq Vitale, fl-Imġarr. Kien ukoll informat minn Surġent mit-taqsima tal-RIU li kien arresta lis suspettat. L-arrest sar ftit ‘l bogħod minn Triq Vitale, l-Imġarr bil-mixi. Qal li kien tkellem ma’ xhud li qaltlu li l-akkużat fetaħ jew ipprova jiftaħ il-karozzi.

Persuna oħra qalet lill-uffiċjal li l-karozza tagħha nfetħet. Hu stabbilixxa li xi karozzi ma kinux msakkra u s-sidien li kienu ikkuntattjati ma rrapportaw xejn misruq. L-akkużat ingħata tiegħu drittijiet verbalment. Huwa informa lill-uffiċjali li l-Passaport Ingliż tiegħu kien miżmuma fil-Qorti u kien joqgħod fil-Bajja tal-Ġnejna.

Huwa kien joqgħod f’kamp magħmul mill-plastik. L-uffiċjali tkellmu wkoll ma’ missieru fir-residenza tiegħu l-Imġarr u li dan kien preżenti fil-Qorti. L-akkużat ikkopera waqt l-investigazzjoni u meta mistoqsi mis-Surġent qallu.

“Ħadt xi kokaina ma’ ħabib tiegħi fil-Bajja tal-Ġnejna u mbagħad xtaqt aktar u għoddejt il-flus u ma kellix
biżżejjed. Għalhekk mort l-Imġarr biex nieħu drink u fi triqti lura nnotajt xi karozzi li ma kienux imsakkrin. Irnexxieli biss niftaħ waħda. Ippruvajt karozzi oħra biex niftaħhom imma kienu kollha msakkra. Waqt li kont qed nipprova niftaħ il-karozzi mill-pumi tagħhom, imbagħad smajt lil xi ħadd jgħajjat ​​minn gallarija u mbagħad tlaqt mill-ewwel. Wara ftit minuti ġejt arrestat mill-pulizija.”

Il-Maġistrat Vella qalet li mill-provi rriżulta li l-akkużat ipprova jisraq u qalet li ma emmnitux meta fl-awla qal li daħal fil-karozza biex jorqod għax m’għandux fejn joqgħod. Meta ġiet biex tagħti s-sentenza l-Qorti qieset, fost oħrajn, li huwa għandu problema serja bid-droga.

Minbarra kundanna ta’ erba’ xhur ħabs, waqt li ordnat li kopja tas-sentenza tintbagħat lill-Kummissarju tal-Pulizija biex bħala l-uffiċjal ewlieni inkarigat mill-immigrazzjoni, jikkunsidra li jkeċċi lill-ħati mill-pajjiż meta jiskonta l-piena “għax huwa theddida għall-paċi u l-ordni pubblika”. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Godwin Scerri li investiga l-każ.