Lokali

“Għalfejn Robert Abela għadu ma ħax azzjoni dwar il-pjanijiet ta’ żvilupp f’Marsaskala?”

Għalkemm ir-residenti ta’ Marsaskala kemm-il darba ngħataw “serħan il-moħħ” li l-yacht marina mhijiex se tinbena, il-Pjan Lokali għad fih dawn il-pjanijiet.

Kien fid-dawl ta’ dan li fit-22 ta’ Awwissu, il-Marsaskala Residents’ Netowrk (MRN) bagħat email b’ittra mehmuża lill-Prim Ministru, fejn talab bidla fil-Pjan Lokali sabiex jiġi ssalvagwardjat il-futur tal-bajja. Fir-risposta li rċieva l-MRN, il-Prim Ministru assigurahom li l-yacht marina huwa tip ta’ proġett li jista’ jipproċedi biss wara l-ħruġ ta’ sejħa minn entità governattiva, u “serrħilhom rashom” li m’għandhomx ħsieb jerġgħu jipproċedu b’din is-sejħa.

L-MRN qal li din id-dikjarazzjoni mhijiex eżattament waħda ta’ serħan il-moħħ. L-MRN jagħraf li hemm nuqqas ta’ impenn rigward il-yacht marina. Meta wieħed iqis l-istorja riċenti ta’ Malta, l-MRN bilkemm jista’ jistrieħ fuq ir-‘rieda tajba’ u s-‘serħan il-moħħ’ li qed joffri l-Prim Ministru fit-tweġiba tiegħu, li jaf sew li ġrajjiet futuri jistgħu jreġġgħu lura tali pożizzjoni. Qed iqumu l-mistoqsijiet u bir-raġun, għaliex il-pjani lokali għal Marsaskala qed idumu biex jiġu riveduti sabiex jirriflettu s-‘serħan il-moħħ’ li qed jiġi offrut hawn fuq.

Lura fis-6 t’Awwissu, fuq One Radio, il-Prim Ministru kien wiegħed li l-affarijiet se jinbidlu wara li l-Qorti tal-Appell ikkonfermat id-deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni tal-ippjanar. Iżda minkejja l-kliem ta’ Abela, jidher li dan mhux jiġi emnut.

L-MRN għalhekk qed jistaqsi lill-Prim Ministru b’mod dirett – minn xiex qed jibża’? Għaliex l-eżitazzjoni, u għaliex id-dewmien? Għaddew aktar minn 16-il xahar minn meta l-Prim Ministru sema’ s-sejħa tar-residenti ta’ Wied il-Għajn u ddeċieda li jneħħi l-pjani għal marina. Kemm jeħtieġ jistennew iżjed, u dal-biża’ kollu għalfejn? Jekk wieħed jibża’ minn preċedent – hemm wieħed il-Ħondoq.

L-MRN saħqu li ħaqqhom aħjar minn rispons fjakk u tweġiba bla impenn.