Lokali

Id-diskors ta’ Robert Abela huwa stedina għall-anarkija; l-MEA tistenna apoloġija

Id-diskors tal-Prim Ministru Robert Abela hija stedina ċara u tonda…għall-anarkija.

Hekk insistiet l-Assoċċjazzjoni Maltija għal Min Iħaddem fejn b’mod b’saħħtu kkundannat għal kollox l-aħħar skandli tal-frodi tal-benefiċċji soċjali kif ukoll ir-racket tal-liċenzji tas-sewqan.

L-MEA saħqet li dan kollu huwa evidenza li hemm problemi serji ta’ governanza li qed jaffettwaw ir-reputazzjoni internazzjonali u agħar minn hekk – il-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin.

L-Assoċjazzjoni spjegat li l-fatt li wieħed jiprova jiddefendi dawn l-iskandli u jagħti x’jifhem li hija prassi normali li ssir fis-sistema politika hija inaċċettabbli u li twassal messaġġi perikolużi immens.

Intqal li d-diskors ta’ Robert Abela hija stedina għall-anarkija u libertinaġġ li tħeġġeġ lill-individwu kif ukoll lin-negozjanti biex jaqbżu l-istrutturi jew saħansitra jitolbu pjaċiri li effettivament qatt ma kienu intitolati għalihom…dejjem għad-dannu tal-poplu.

L-MEA saħqet li tali diskors ta’ Abela se jwassal sabiex amministrazzjonijiet futuri jiġġustifikaw għemilhom u dan ċertament mhux kif is-sistema politika għandha taħdem.

L-Assoċjazzjoni spjegat li huwa impossibbli li tiġġustifika korrispondenza ta’ messaġġi li esponiet prattiċi korrotti sfaċċati – u inevittabilment twassal għal dubji serji dwar kemm huma siguri t-toroq Maltin u Għawdxin b’sewwieqa li ġabu l-liċenzja tas-sewqan bi pjaċir.

Ġie spjegat li dawn l-abbużi qed jgħinu l-interessi partiġġjani iżda potenzjalment jistgħu jissarfu f’danni fatali għaċ-ċittadin.

Dan fid-dawl, kompliet l-MEA, li kulħadd jaf li mill-kurituri ta’ Kastilja ngħataw impjiegi li ma jeżistux, benefiċċji soċjali li ma kinux intitolati għalihom, u nuqqas enormi ta’ trasparenza…b’kultura ta’ nepotiżmu li qed tiġi normalizzata għal kollox.

Għaldaqstant l-MEA saħqet li qed tistenna li kundanna ċara u apoloġija għal dak li seħħ minn naħa tal-Gvern. Dan filwaqt li jeħtieġu li l-partiti politiċi jitbiegħdu mill-interessi partiġġjani u jżommu dejjem l-interess nazzjonali l-ewwel u qabel kollox.