6 snin mill-jum traġiku li ħasad pajjiż – 6 snin mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. U f’għeluq dan l-anniversarju ikrah, l-għaqda Repubblika, ManuelDelia.com u l-għaqda Occupy Justice nedew ġimgħa ta’ attivitajiet varji – minn intervisti għal esebizzjonijiet tal-arti – bl-attivitajiet jilħqu l-qofol tagħhom propju fis-16 ta’ Ottubru.
It-Tlieta filgħodu, quddiem il-Parlament, Repubblika nediet skultura magħmula mit-Taljan Gerald Moroder u maħduma kompletament mill-fdalijiet tal-isplużjoni li ħasdet il-ħajja ta’ fost oħrajn ta’ Giovanni Falcone…li nqatel mill-mafja fl-1992.
Il-President tal-għaqda Repubblika, Robert Aquilina, insista ma’ Net News dwar il-ħtieġa li f’pajjiżna jiġu introdotti liġijiet anti-mafja u l-bżonn li l-Gvern ta’ Robert Abela jirrikonoxxi li f’Malta hawn il-preżenza tal-mafja….iżda fi kliemu, dan ma jistax jagħmlu għaliex il-preżenza tagħha hija proprju fil-kurituri ta’ Kastilja.
Mistoqsi minn Net News x’inbidel f’dawn l-aħħar 6 snin minn meta Daphne Caruana Galizia ġiet assassinata bl-aktar mod brutali f’karozza bomba quddiem id-dar tagħha, Aquilina stqarr li t-triq għadha waħda twila.
L-attivitajiet li jfakkru l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia – jinvolvu intervisti, eżebizzjonijiet tal-arti kif ukoll diskussjonijiet. Bil-qofol jintlaħaq nhar it-Tnejn, 16 ta’ Ottubru, b’kommemorazzjoni silenzjuża fit-tlieta ta’ waranofsinhar fil-Bidnija, segwita minn quddiesa fis-sitta u nofs ta’ filgħaxija fil-Knisja ta’ San Franġisk fil-Belt Valletta….u velja quddiem il-Qorti, fis-sebgħa u nofs ta’ filgħaxija.
Intant, għall-preżentazzjoni ta’ dan il-programm ta’ attivitajiet, spikka in-nuqqas tax-Xandir tal-Istat – fejn tali aġir juri biċ-ċar l-iżbilanċ u ċ-ċensura li bihom qed titmexxa din il-Kamra tal-Aħbarijiet…iffinanzjata esklussivament minn but il-poplu.
//= $special ?>