Nhar il-Ħadd li ġej, il-Kurja tal-Arċisqof fil-Floriana se tkun qed tiftaħ għall-pubbliku fejn se tkun qed toffri diversi attivitajiet għal persuni ta’ kull età.
Dan se jkun qed isir waqt l-attività ‘Ġenna ta’ Ġonna’, bit-tema magħżula għall-ftuħ tal-Kurja tkun “Knisja li Taqdi” fejn il-viżitaturi se jkunu jistgħu jesperjenzaw x’tagħmel il-Knisja fil-qasam tad-djakonija. Id-dettalji tħabbru minn Michael Pace Ross, is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, fil-preżenza tal-Vigarju Episkopali għad-Djakonija Monsinjur Charles Cordina, fil-Kurja tal-Arċisqof stess.
Din is-sena se jkun hemm aktar minn 20 attività għaddejja fil-Kurja tal-Arċisqof, bil-viżitaturi se jkollhom l-opportunità jifhmu aħjar kif il-parroċċi qed jgħinu lill-persuni fil-bżonn fil-komunità, japprezzaw opri tal-arti u arkitettura, jipparteċipaw f’taħdidiet informattivi u jaraw wirijiet mtellgħa mill-Arkivji Djoċesan fost l-oħrajn.
Il-viżitaturi se jingħataw tagħrif dwar il-bini tal-Kurja, fejn fost l-oħrajn serviet bħala sptar militari, seminarju, skola tas-subien u għal żmien qasir waqt it-Tieni Gwerra Dinjija, anke bħala Qorti tal-Ġustizzja.
B’differenza għas-snin ta’ qabel, ir-Rifettorju tal-Kurja se jinbidel f’wirja awdjo-viżiva unika li tispjega l-episodji bibliċi mpittra mal-ħitan ta’ din is-sala fil-kuntest ta’ temi importanti għas-soċjetà tal-lum. F’dan kollu se joħroġ l-irwoli tal-Knisja, kemm bħala istituzzjoni, imma aktar importanti bħala individwi impenjati li jagħtu il-ħin u l-enerġija tagħhom lill-ħidma pastorali tal-Knisja mal-persuni l-aktar fil-bżonn.
Il-bitħa ċentrali tal-Kurja se tinbidel f’post ta’ laqgħa, fejn minbarra l-mużika live, kappillani u voluntiera se jitkellmu mal-viżitaturi dwar il-ħidma tal-Knisja fil-komunitajiet tagħna.
Din is-sena, il-kurituri prinċipali tal-Kurja tal-Arċisqof se jkunu mżejna b’aktar minn 25 pittura tal-artist Francesco Zahra, meqjus bħala l-aktar artist importanti Malti ta’ nofs is-seklu tmintax u li din is-sena qed jitfakkar il-250 anniversarju mill-mewt tiegħu.



Ritratti: Kurja
//= $special ?>