“Hawn sfida kbira li għandu l-pajjiż quddiemu biż-żieda tal-għoli tal-ħajja.”
Hekk stqarr id-Direttur ta’ Caritas Malta, Anthony Gatt, meta it-Tnejn ipparteċipa fil-programm NET Live – diskussjoni li ffukat fuq l-isfida li ilna naffaċjaw għal snin sħaħ; dik tal-għoli tal-ħajja.
Anthony Gatt spjega li fid-dawl taż-żieda enormi fil-prezzijiet, kull persuna spiċċat trid toqgħod attenta ferm meta tiġi biex tixtri xi ħaġa – anke l-affarijiet l-aktar bażiċi – għaliex wieħed faċli jispiċċa ma jwassalx sal-aħħar tax-xahar.
“Rajna li l-istess pakkett tal-ikel żdied b’20%,” qal Gatt.
Minn naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja appella sabiex il-Gvern minnufih jieħu azzjoni. U tenna li ż-żieda għall-għoli tal-ħajja għandha tingħata sħiħa; l-istess kif qed jipproponi l-Partit Nazzjonalista.
“Għamilniha ċara li l-COLA trid tingħata b’mod sħiħ u ma tkunx taxxati,” qal Bugeja.
Il-Partit Nazzjonalista ilu żmien twil jappella lill-Gvern biex iż-żieda tal-COLA ma tkunx intaxxata ħalli il-poplu jieħu l-għajnuna b’mod sħiħ – u din tkun xi ftit ta’ għajnuna quddiem iż-żieda kostanti fil-prezzijiet ta’ prodotti bażiċi.
Fl-aħħar xhur rajna kif il-familji Maltin u Għawdxin affaċjaw inflazzjoni u prezzijiet li huma ferm ogħla mill-medja taz-Zona Ewro; xi ħaġa li kienet ikkonfermat minn ċifri li ġew ippubblikati mill-Eurostat. Fost il-prodotti li għolew kien hemm il-ħobż, il-ħalib, diversi prodotti tal-ħalib bħall-ġobon, il-youghurt u l-ġbejniet, frott u ħaxix, il-laħam, l-għaġin, u anke prodotti ta’ iġene personali u prodotti tal-ħasil.
Dan apparti mediċini li għolew fil-prezz, u anke servizzi bħall-posta.
//= $special ?>