Lokali

“Il-poplu għajjien bi skandlu wieħed wara l-ieħor” – Bernard Grech

L-Air Malta għandha tibqa’ parti intergrali mill-viżjoni ekonomika li tixraq lil pajjiżna. U l-Gvern għandu immedjatament jindirizza l-inċertezzi kbar li hemm fost il-ħaddiema.

Sostna dan il-Kap tal-PN Bernard Grech meta fil-Parlament għalaq id-dibattitu urġenti li issejjaħ mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista – dibattitu li sar wara li l-Gvern falla l-Air Malta.

Kien it-Tnejn wara nofsinhar meta l-Prim Ministru u l-Ministru tal-Finanzi preżentaw il-pjan tagħhom biex jagħlqu l-Air Malta. U eventwalment, sal-31 ta’ Marzu, tkun fetħet il-linja nazzjonali il-ġdida.

Fid-diskors tiegħu, Bernard Grech insista li l-Gvern ta’ Robert Abela se jibqa’ imfakkar fl-istorja bħala l-Gvern li falla lill-Air malta.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li l-Gvern tal-Labour ilu sajf sħiħ jigdeb u jinganna lill-poplu Malti u Għawdxi – bi skandlu wieħed wara l-ieħor tant li issa mhux qed ilaħqu magħhom.

Iżda Bernard Grech ma waqafx biss mal-kritika. Dan għaliex, kif sġjega hu stess, il-PN għandu s-soluzzjonijiet.

Fil-Parlament, Bernard Grech preżenta wkoll lista twila ta’ domandi li qed isiru mill-poplu, mill-impjegati tal-Air Malta u min-nies fl-industrija lokali – kollha dubji li qed iqajjmu l-inċertezza.

Dan filwaqt li tkellem ukoll dwar in-nuqqas ta’ sinsla li d-Deputati tal-Gvern għandhom fil-konfront ta’ ċertu deċiżjonijiet li jieħu l-Prim Ministru Robert Abela, bħal ma seħħ lura f’Lulju fil-każ ta’ Jean Paul Sofia.

Bernard Grech temm id-diskors tieghu billi qal li Malta se tibqa’ dejjem il-prijorita; fic-centru tal-ħidma politika tal-Partit Nazzjonalista. Għaliex il-poplu jiġi l-ewwel, u mhux il-bwiet tal-qalba.