Lokali Qorti

Il-Qorti tiddikjara li l-kuntratti li saru mill-kumpanija No Deposit Cars huma frawdolenti

Ditta li sidha hu Christian Borg, li allegatament ħataf persuna kontra l-volontà tagħha qed tuża prattiċi kummerċjali qarrieqa u frawdolenti billi ġġiegħel lill-klijenti jiffirmaw kuntratti b’kundizzjonijiet sfavorevoli meta jixtru karozzi użati.

L-Imħallef Toni Abela ddeċieda li l-kuntratti tal-kumpanija ta’ sieħeb il-Prim Ministru Robert Abela kienu nieqsa mill-aktar element bażiku – il-bona fide. Huma inkludew klawsola speċifika li teskludi l-possibbiltà ta’ ilmenti dwar difetti moħbija minħabba li kienet konxja mill-kwalità tal-karozzi li kienet qed tbigħ.

L-Imħallef Abela kien qed jiddeċiedi f’kawża mressqa minn No Deposit Cars Malta, kumpanija fil-qasam tan-negozju ta’ kiri ta’ karozzi, kontra l-klijent, Mark Cauchi, li kien irritorna ċ-Citroen C3 li kien xtara wara ftit xhur biss minħabba difetti kbara li kellha tant li ma tistax tintuża.

Il-Qorti semgħet kif Cauchi kien waqaf iħallas il-ħlasijiet bin-nifs ta’ kull xahar meta rritorna l-karozza fix-showroom u wara li kien irrifjuta l-offerta tal-kumpanija li tbiddel ma’ mudell antik kontra l-istess prezz. Il-kumpanija ressqet talba fil-qorti għas-€17,800 li kienet għadha dovuta skont il-kuntratt li kien iffirma Cauchi fl-2019, minkejja li l-karozza kienet ġiet irritornata u mibjugħa lil xi ħadd ieħor li eventwalment irritornaha minħabba l-ħsara li kellha.

Il-karozza bħalissa tinsab f’maħżen “u l-qorti tittama li tibqa’ hemm”, qal l-Imħallef. Espert maħtur mill-qorti kkonkluda li l-karozza “ma kinitx f’kundizzjoni tajba għat-triq” u li d-difetti kienu viżibbli biss għal xi ħadd ta’ esperjenza. Kien evidenti li l-karozza kienet involuta f’inċident tat-traffiku u li t-tiswijiet ma sarux kif suppost.

Fid-deċiżjoni tiegħu, l-Imħallef Abela iddeċieda li l-klawsoli li hemm fil-kuntratt kienu jammontaw għal prattika kummerċjali qarrieqa għax bil-preżentazzjoni ġenerali tagħha, kienet qed tqarraq bil-klijenti u ġġiegħelhom jieħdu deċiżjoni dwar tranżazzjoni u li ma setgħux jagħmlu mod ieħor.

“Il-prinċipju tal-bona fide huwa element bażiku, anke meta tixtri xi ħaġa użata. Il-prattiki adottati mill-kumpanija jammontaw għal prattiki kummerċjali qarrieqa għaliex kienet qed tuża metodi qarrieqa biex tqarraq lill-konsumaturi medji… fil-liġi ċivili, mala fide hija ekwivalenti għal frodi,” qal l-imħallef.

Huwa ddikjara l-kambjali kollha li kien iffirma Cauchi bħala nulli u waqqa’ t-talba għall-ħlas lill-kumpanija. L-Avukat Noel Cutajar irrappreżenta lil Cauchi. Għexieren ta’ klijenti kienu ħadu lill-kumpanija l-qorti għal firxa ta’ ilmenti, fosthom li użaw termini inġusti fil-kuntratti tal-klijenti tagħha u li ġagħluhom jiffirmaw kuntratti li jaċċettaw li l-karozza tagħhom jista’ jkollha apparat ta’ traċċar GPS installat.

Fil-bidu ta’ Settembru li għadda, il-Maġistrat Elaine Rizzo ordnat inkjesta maġisterjali dwar akkużi ta’ reati serji, fosthom ħtif, ħasil ta’ flus, serq u fastidju li jinvolvu persuni konnessi ma’ No Deposit Cars Ltd. L-inkjesta maġisterjali se tinvestiga l-kumpanija kif ukoll ir-rappreżentanti tagħha fejn minbarra Christian Borg, hemm Joe Camenzuli – eks fotografu tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat u tal-Partit Laburista, kif ukoll fil-konfront ta’ Luke Milton, Thorne Mangion, James Spiteri u Tyson Grech.