Lokali

Inawgurata wirja dwar l-aġenzija Maltija tal-ikel fil-Parlament

L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia  inawgura Wirja dwar l-Aġenzija Maltija tal-Ikel (Malta Food Agency) fil-Parlament ta’ Malta.

F’kelmtejn tal-okkażjoni, l-Ispeaker tkellem dwar l-oqsma tal-Biedja u s-Sajd f’pajjiżna. Dr Farrugia qal li minkejja li dawn is-setturi jikkontribwixxu ftit aktar mit-2 fil-mija tal-ġid tal-gżejjer Maltin, dawn is-setturi jipproduċu ikel bnin u sustanzjuż tant meħtieġ għall-eżistenza tagħna l-bnedmin, anke jekk pajjiżna jeħtieġ jimporta frott, ħxejjex, laħam u ħut, l-oqsma tal-biedja u s-sajd f’Malta huma meqjusa importanti u meħtieġa.

Fid-diskors tiegħu l-Ispeaker għamel referenza għall-funzjonijiet tal-Aġenzija Maltija tal-Ikel, fosthom li trid tħares dawn l-oqsma ta’ produzzjoni ekonomika.  Huwa qal li kull minn jaħdem f’dawn is-setturi jeħtieġ ikun kompetittiv, l-aktar ma’ dawk il-produtturi barranin li minħabba produzzjoni u swieq akbar minn dak lokali, kapaċi jkunu aktar kompetittivi minn bdiewa u sajjieda Maltin u Għawdxin. L-Ispeaker fakkar kif il-biedja u s-sajd isostnu setturi oħra tal-ekonomija Maltija, bħall-industrija tal-manifattura, diversi servizzi, inkluż it-turiżmu. Mingħajr dawn l-oqsma ta’ produzzjoni tal-ikel u ikel proċessat, il-gżejjer Maltin qatt ma jistgħu jilħqu livell ta’ eċċellenza ekonomika.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia appella lill-awtoritajiet sabiex jibqgħu jsostnu lill-bdiewa u lis-sajjieda biex jaġġornaw il-mezzi tal-produzzjoni u jtejbu l-effiċjenza u kompetittiva tagħhom f’konkorrenza ma’ produtturi Ewropej u oħrajn.

Il-konferenza ġiet indirizzata wkoll minn Toni Bezzina M.P., Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Agrikoltura u s-Sajd, u Robert Cutajar M.P., Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Self-Employed, Intrapriżi u Koperattivi.