Lokali

Isejħulu l-Pulizija wara li protesta kontra l-iżbilanċ fil-PBS – “Intimidazzjoni u bullying tal-Istat”

Jingħata kopja tar-rapport ingassata kważi għal kollox – “Ma nafx x’akkużi hemm kontra tiegħi”

“Ġejt mgħajjat fl-Għassa tal-Pulizija tal-Ħamrun u la naf liem persuna għamlitli ir-rapport, la naf jekk hux se jresquni l-Qorti u lanqas x’akkużi hemm fil-konfront tiegħi…għajr li dħalt fuq l-għatba tal-binja tax-Xandir tal-Istat.”

Sostna dan il-President tal-għaqda Repubblika, Robert Aquilina t-Tlieta waranofsinhar meta, akkumpanjat mill-Avukat Therese Comodini Cachia, kien mgħajjat mill-Pulizija biex isirlu interrogatorju wara li ftit tal-jiem ilu Repubblika wettqet azzjoni ta’ protesta fid-daħla tal-PBS.

Huwa insista li l-ebda azzjoni intimidatorja mhux se xxekkel il-ħidma li qiegħda tagħmel l-għaqda Repubblika filwaqt li saħaq li l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà qed ikun dghajjef mal-kbar u iebes maċ-ċittadin u s-soċjetà ċivili.

Mistoqsi minn Net News hekk kif fi ftit sigħat ħareġ fil-beraħ iċ-ċensura li qed titwettaq mix-Xandir tal-Istat, l-intimidazzjoni u theddid kif ukoll għal fatt li l-aġir ta’ Robert Abela qed jinstiga l-anarkija….Aquilina saħaq li l-Prim Ministru għandu dahru mal-ħajt.

Aktar kmieni  l-President ta’ Repubblika talab lil Pulizija sabeix tieħu azzjoni kontra ċ-Chairperson tal-PBS innifsu, Mark Sammut għaliex kien hu – fost ħafna oħrajn – li jinsab implikat fl-iskandlu tal-liċenzji tas-sewqan….fejn minkejja li Clint Mansueto kien qed jgħidlu ma jistgħux jibqgħu sejrin hekk huwa kien baqa’ jinsisti li jinqeda f’temp ta’ siegħa.

Finalment Robert Aquilina insista li minkejja li l-Pulizija sejħulu b’rabta ma’ dan ir-rapport li sar….huwa kien miċħud li jingħata kopja tad-dokument b’mod sħiħ u minflok tawh dokument fil-maġġorparti tiegħu ngassat għal kollox.