L-awtoritajiet f’Bangkok qed jinvestigaw ir-riżultati ta’ sparatura li ħalliet talanqas żewġ mejtin u numru ta’ feruti – uħud minnhom gravi. Dan meta mhux eskluż li l-ammont tal-vittmi jista’ jitla’ minn ħin għall-ieħor fost l-inkjesta intensiva li għaddejja fil-qalba tal-kapitali Tajlandiża.
L-isparatura seħħet fil-kumpless ta’ Siam Paragon li jbiegħ l-affarijiet lussużi u li jinsab f’zona ċentrali tal-kapitali li dejjem hu frekwentat mit-turisti. Il-pulizija, wara, arrestaw tifel ta’ 14-il sena li qiegħed jgħin bl-istħarriġ tagħhom.
Mifhum li t-tifel suspettat bħala l-aggressur fl-ebda ħin ma prova jirreżisti l-arrest u meta għalissa mhux magħruf il-mottiv għall-aggressjoni.
Is-sitwazzjoni nġabet taħt kontroll wara minuti ta’ terrur fejn numru kbir ta’ nies spiċċaw jiġru għall-kenn qalb fil-ħwienet u b’uħud jistaħbew fil-kmamar tal-banju għall-pubbliku fil-kumpless.
U waqt li l-awtoritajiet qalu li l-midruba fl-isparatura kienu jinkludu xi barranin, l-Uffiċjali tal-Pulizija, waqt konferenza tal-aħbarijiet, sostnew li ż-żewġ maqtula kienu ċittadin taċ-Ċina u raġel minn Myanmar.
Il-Prim Ministru Tajlandiż, Srettha Thavisin, permezz ta’ stqarrija, bagħat il-kondoljanzi lill-qraba tal-vittmi u sostna li l-pulizija intervjeniet minnufih biex tevita ċirkostanzi ħafna aktar gravi. Hu aktar tard mar fuq ix-xena tar-reat fejn kien aġġornat dwar is-sitwazzjoni.
//= $special ?>