Kuntistabbli tal-Pulizija qed jallega li ġie trattat b’mod inuman mill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa wara li f’Lulju li għadda ppreżenta ċertifikat mediku ta’ psikjatra li juri li ma kienx għadu tajjeb għal ‘Police Duties’ għal raġunijiet ta’ saħħa mentali sabiex ikun ‘boarded out’, u minflok spiċċa sospiż mill-Public Service Commission (PSC) u jinsab b’nofs paga.
Il-Kuntistabbli qal li l-Kummissarju tal-Pulizija wettaq aġir maħmuġ fil-konfront tiegħu billi lanqas biss informa lill-Bord Mediku fuq il-problemi tiegħu minkejja t-talbiet li saru minnu u dan kollu b’dannu għas-saħħa mentali tiegħu.
Fi protest li sar fil Prim Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat ta’ l-Istat il-Kuntistabbli qal li l-Kummissarju tal-Pulizija rrifjuta li jwaqqaf u jsejjaħ ‘l-Bord Mediku biex jisma’ l-każ tiegħu, u dan minkejja ċertifikat ta’ psikjatra li kien qed jiddikjara li ma kienx aktar tajjeb għal-xogħol ta’ Pulizija.
Il-protest jgħid li dan kollu huwa ferm differenti u eżatt bil-kontra ta’ kif il-Kummissarju tal-Pulizija mexa fil-konfront tal-ex Spetturi Roderick Zammit u Daniel Zammit, kif se jigi ippruvat f’kawza Kostituzzjonali li se jkollha tigi ippreżentata jekk il-Kummisarju tal-Pulizija u l-Avukat ta’ l-Istat ma jbiddlux ir-rotta tal-aġir diskriminatorju taghhom kontra l-Kuntistabbli. Daniel Zammit kien ġie boarded out f’Ġunju tal-2015 fl-età ta’ 32 sena filwaqt li ħuh Roderick Zammit kien ġie boarded out f’April tal-2016 fl-età ta’ 36 sena.
Kollox sar minn wara dahar il-Kuntistabbli
Kien fis-26 ta’ Lulju, li għadda li għal xi raġuni stramba u b’differenza ta’ x’ġara dejjem f’każijiet simili, li l-Kummissarju tal-Pulizija rrifjuta li jwaqqaf u jsejjaħ ‘l Bord Mediku biex jisma’ l-każ, u dan minkejja ċertifikat ta’ psikjatra.
Fit-28 ta’ Lulju 2023 l-Kuntistabbli kien ċempel lit-tabiba tal-Korp tal-Pulizija sabiex jikkonferma li ċ-ċertifikat mediku kien waslilha u filwaqt li hi dan ikkonfermatulu, qaltlu biex imur għalih għaliex kien sospiż mill-PSC, fatt li ma kienx minnu għall-inqas żgur sa dakinhar.
Tliet ijiem wara l-Kuntistabbli reġa’ ċempel lill-istess tabiba fejn din qaltlu biex jikkuntatja lid-Direttur tagħha, u hekk għamel dakinhar stess meta ċempel lil Ms Stephanie Sgandurra li qaltlu li kienet se tieħu hsieb hi, jiġifieri li kienet se timla l-formola neċessarja u wara li din tiġi pproċessata kellu jirċievi mingħandha.
Fl-ewwel 15-il jum ta’ Awwissu 2023 il-Kuntistabbli ċempel diversi drabi lill-istess tabiba u lil Ms Stephanie Sgandurra. It-tabiba qaltlu li kienet għaddiet il-file biċ-ċertifikat mediku lil Ms Sgandurra, li minn naħa tagħha qaltlu li kellha tinforma lill-Bord Mediku biex jitlaqa’ u hu jiġi msejjaħ quddiemu.
Intant il-Kuntistabbli qatt ma irċieva ebda acknowledgement tat-talba tiegħu biex ikun boarded out fuq raġuni medika. Fl-4 ta’ Awwissu 2023 il-Kummissarju kien kiteb email lil Ms Sgandurra jistaqsiha biex tibgħatlu d-data meta kienet bagħtet il-formola u ċ-ċertifikat lill-Bord Mediku għax kien staqsih ghalihom il-psikjatra.
Ms Sgandurra, fit-22 ta’ Awwissu 2023 weġbitu għall-ewwel darba bil-miktub u qaltlu li ma kienetx qed tifhem x’kellu bżonn, peress li kienet xi ħaġa ta’ toqol intelletwali kbir dak li kien qed jitlob. U allura l-għada l-Kuntistabbli wegibha u qalilha ċar u tond li kellu bżonn konferma li l-Bord Mediku kien ġie infurmat bil-każ tieghu.
Dakinhar stess fl-3.44pm Ms Sgandurra weġbitu li t-talba lill-Bord Mediku ma setgħetx tintlaqa’ għax hu kien ġie sospiż mill-PSC, ħaġa li hu ma kien jaf xejn għadu dwarha.
Baqa’ bla risposta
Sussegwentement il-Konsulent Legali tiegħu kitbilha email fit-28 ta’ Awwissu 2023 fejn talabha tikkwotalu r-regolament li abbażi tiegħu kienet qed tistrieħ fid-deċiżjoni tagħha. Ghal din l-email ma kien hemm ebda tweġiba, u allura reġgħu intbagħatu żewġ emails ta’ reminder fit-12 ta’ Settembtru 2023.
Fis-17 ta’ Settembru, Ms Sgandurra wieġbet lill-konsulent legali tal-Kuntistabbli u qaltlu li kienet se ttih risposta. Sal-llum tali risposta ma waslitx. Il-protest jgħid ukoll li dan kollu juri b’mod ċar ħafna li ma kien hemm xejn legali, raġjonevoli u in bona fede fin-nuqqas tal-Kummissarju tal-Pulizija meta irrifjuta li jlaqqa’ Board Mediku sabiex tkun deċiħa it-talba msejsa fuq ċertifikat mediku tal-psikjatra kuranti tiegħu.
Anzi, l-Kummissarju tal-Pulizija kien tant in mala fede li ħalla t-talba tal-Kuntistabbli u l-psikjatra tiegħu pendenti u injoraha apposta sabiex il-PSC tkun tista’ tilhaq tinnotifikah bid-deċiżjoni ta’ sospensjoni. Għaldaqstant qed iżomm lil dawk responsabbli għad-danni kollha li kkaġunawlu, u qed jitlobhom sabiex jieqfu mit-trattament diskriminatorju kontrih bi ksur tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (b’mod partikolari l-artiklu 6 tal-Konvenzjoni u l-ewwel artiklu tal-Protokoll numru 12 tal-Konvenzjoni).
Ukoll biex jieqfu jużaw riga mod u riga mod ieħor fejn jaqblilhom, jieqfu l-aġir maħmuġ tagħhom b’dannu għas-saħħa mentali tiegħu, u jpoġġihom responsabbli għal dan l-aġir minn issa. Il-protest ġudizzjarju kien iffirmat mill-Avukat Jason Azzopardi u Kris Busietta.
//= $special ?>