Il-Partit Repubblikan fl-Oppożizzjoni għaddej minn aktar diżgwid intern fost it-tensjoni bejn l-Ispeaker tal-Kamra Amerikana tar-Rappreżentanti, Kevin McCarthy u Matt Gaetz, membru tal-Kungress li jirrappreżenta lill-Istat ta’ Florida.
U f’din is-sitwazzjoni, McCarthy qed jiffaċċja mozzjoni ‘rari ħafna’ – imressqa minn Gaetz – biex hu jitwarrab mir-rwol ta’ Speaker.
Matt Gaetz hu magħruf bħala radikali tal-lemin u t-tensjoni bejnu u McCarthy żdiedet fi tmiem il-ġimgħa wara li s-Speaker – bl-għajnuna tad-Demokratiċi (fil-Gvern) – għadda l-abbozz tal-liġi għall-finanzjament tal-aġenziji tal-Gvern u li permetta wkoll biex il-ħaddiema federali jitħallsu s-salarji dovuti lilhom.
Intant, hu minnu li l-ebda Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti ma qatt spiċċa mwarrab mill-kariga bis-saħħa ta’ mozzjoni simili. Dan meta t-Tmexxija tal-Partit Repubblikan għandu sal-Ħamis biex iressaq il-miżura għall-vot u bil-proċess kapaċi anki jkun pospost għal aktar fit-tul minħabba l-proċeduri stabbiliti għal każ bħal dan.
Fl-istess ħin, għandu jkun biżżejjed vot ta’ maġġoranza (b’218) – u bħala ‘floor vote’ — fost il-membri tal-Kamra biex McCarthy jitneħħa minn Speaker u meta mhemm l-ebda siġġu vakanti.
Ir-Repubblikani jikkontrollaw din il-Kamra b’maġġoranza minima iżda hu minnu wkoll li, sallum, hemm biss numru żgħir ħafna ta’ Repubblikani konservattivi li lesti biex jivvutaw ħalli McCarthy ma jkomplix fir-rwol ta’ Speaker.
Dan meta s-Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti hu t-tieni fil-linja tas-suċċessjoni għall-Presidenza Amerikana wara li l-Viċi-President. Il-kariga ġġorr fost oħrajn responsabbiltajiet relatati mal-prioritajiet leġislattivi tal-kamra t’isfel tal-Kungress u meta s-Speaker anki jeżerċita ‘is-siġill ta’ approvazzjoni’ għall-aġenda tal-White House f’Washington.
//= $special ?>