Colin Schembri
Mellieħa Libertas Spalding………75
Starlites JSD……………………………..79
(13-23)(17-19)(29-21)(16-16)
Ic-champions Starlites FIJO rebħu s-St. James Hospital Super Cup tal-irġiel wara partita kumbattuta kontra Mellieħa Libertas Spalding 79-75. Iż-żewġ timijiet kellhom xi tibdil mill-istaġun li għadda fejn it-tnejn li huma biddlu l-players barranin tagħhom. Starlites ippreżentaw lill-Amerikani Christian Hincson, Davonte Craven u Malik Lorquet. Huma tilfu lil Ryan Carabott li mar ma’ Mellieħa Mellieħa wkoll għandhom players barranin ġodda, l-Amerikani Tederick Deshun Wolf u Kwame Thompson. Is-Serb Nikola Jovanovic flimkien ma’ players bħal Corrado Mercurio, Klemen Skrabec u Eduardo Valdespina jistgħu jilgħabu bħala players lokali wara tibdil fir-regoli mill-MBA matul is-sajf. Huma għandhom ukoll bidla fil-coach b’Ian Terribile jieħu post it-Taljan Christian Narcisio. Żvolta interessanti fil-partita seħħet fit-tielet taqsima fejn Starlites fetħu vantaġġ ta’ 22 punt pero Mellieħa rkupraw dan l-iżvantaġġ u l-partita sbieħet ferm fl-aħħar ħinijiet.
Il-partita kellha bidu bilanċjat biż-żewġ timijiet jirrispondu lil xulxin bi Starlites punt minn fuq 6-5 fit-tielet minuta. Punti ta’ Craven u Alec Felice Pace segwiti minn run ta’ 9-0 raw lil Starlites jiftħu vantaġġ ta’ 12 -il punt 19-7. Mellieħa wieġbu pil-punti ta’ Wolf però Starlites kellhom żewġ baskets oħra biex temmew l-ewwel sessjoni 10 punti minn fuq 23-13. Fit-tieni taqsima kien hemm il-punti ta’ Thompson għal Mellieħa qabel ma trippla ta’ Matt Attard fit-tielet minuta fetħet run ta’ 9-0 minn Starlites b’żewġ baskets ta’ Craven. Mellieħa wkoll wieġbu bi tmien punti mingħajr risposta kollha minn Wolf qabel ma’ Felice Pace wieġeb bi trippla għal Starlites. Sal-intervall kien hemm punti fuq kull naħa biex Starlites daħlu jistrieħu 42-30 minn fuq.
It-tielet sessjoni fetħet bi trippla għal Mellieħa minn Thompson biex naqqsu d-distakk għal disa’ punti. Hawn però Starlites kellhom mument ieħor tajjeb meta għamlu run ta’ 15-2 fosthom trippla minn Hincson u punti minn Lorquet flimkien ma’ Kurt Xuereb biex f’nofs il-perjodu kienu 57-35 minn fuq. Wara time-out minn Terribile, Mellieħa għamlu run ta’ 18 -il punt mingħajr risposta fosthom trippli minn Jandric u Wolf u l-punti ta’ Thompson u David Bugeja. Basket ta’ Hincson waqqfilhom din ir-run però Mellieħa komplew jirispondu biex id-distakk niżel għal 4 punti fi tmiem it-tielet perjodu 59-63. Fl-aħħar taqsima Mellieħa waslu sa’ basket’l bogħod 63-65 però hawn waslet run deċisiva tac-Champions meta għamlu 10 punti mingħajr risposta b’żewġ trippli minn Hincson u Attard flimkien ma’ żewġ baskets minn Alec Felice Pace. Mellieħa ma ċedewx u punti ta’ Robert Bonnici u Jandric ressquhom viċin. L-aħħar sforz tagħhom rahom jaslu mill-ġdid basket minn taħt fl-aħħar żewġ minuti. Trippla minn Ian Felice Pace minuta u nofs mit-tmiem tat nifs qawwi lil Starlites li kkontrollaw il-partita sa’ tmiem u ħarġu rebbieħa 79-75. Fi tmiem il-partita, l-President tal-MBA Paul Sultana ppreżenta t-trofew lil captain ta’ Starlites Alec Felice Pace għat-tielet suċċess tagħhom f’din il-kompetizzjoni.
Mellieħa Libertas: A, Veselinovic, T. Deshun Wolf 29, D. Bugeja 7, R. Bonnici 6, V. Jandric 7, I. Bonett, R. Carabott, K. Skrabec, M. Formosa, K. Thompson 24, E. Valdespina 2, C. Mercurio.
Starlites FIJO: A. Felice Pace 21, C. Hinkson 17, M. Attard 6, S. Aquilina, I. Felice Pace 5, M. Fabri, M. Palmier, D. Craven 10, L. Farrugia, K. Xuereb 10, N. Sultana, M. Lorquet 10.
Referees: Bernard Vassallo, Zvezdan Dobrosaviljevic, Artur Bayraktar
.
//= $special ?>