Lokali

Tikber il-pressjoni biex iċ-Chairman tal-PBS jirriżenja wara li kien implikat fl-iskandlu tal-liċenzji

L-għaqda Repubblika qed tagħmel pressjoni fuq iċ-chairperson tal-PBS Mark Sammut sabiex jirriżenja mill-kariga tiegħu. Dan wara li ismu deher fiċ-chats ippubblikati mit-Times, bħala wieħed minn dawk l-individwi li kontinwament kien jagħmel pressjoni fuq Clint Mansueto biex jingħataw appuntamenti “urġenti” lil ċertu persuni li jkunu tilgħin għat-test tal-karozza.

Rapport dettaljat li ħareġ mis-Sunday Times of Malta kixef kif mijiet ta’ ismijiet kienu mgħotija lil Clint Mansueto, id-Direttur tal-Liċenzji fi ħdan Transport Malta – u fosthom, kien hemm saħansitra ismijiet mgħoddija mill-Ministru Ian Borg.

Fost l-oħrajn ġie żvelat is-sehem ta’ uffiċjali mill-Customer Care tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, l-Assistenta Personali tal-Prim Ministru nnifsu u ċ-chief of staff tal-Ministru għal Għawdex. Iżda quddiem dan kollu, għal Robert Abela qisu xejn mhu xejn.

Il-provi ippubblikati mit-Times huma xokkanti; provi li dawrhom il-pulizija għadha m’għamlet xejn.

Saħansitra kien hemm min, bħal Michael Buhagiar, Chief of Staff tal-Ministru Clint Camilleri, u Ray Mizzi, eks uffiċjal tal-Customer Care fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru stqarrew fiċ-chats li qed jgħaddu l-ismijiet ta’ persuni biex jakkwistaw il-vot tagħhom – b’uħud miċ-chats jinkludu wkoll il-frażi “Viva l-Labour!”

Fost litanija twila ta’ ismijiet, f’dawn iċ-chats issemmew Mark Sammut, Chairman tal-PBS – fejn b’insistenza kien talab lil Mansueto biex jaqdilu lil xi ħadd u jġiblu data ta’ test f’siegħa. B’Mansueto jaqdih minnufih b’data ħamest ijiem wara.

Preżentament kemm Mansueto kif ukoll żewġ uffiċjali ta’ Transport Malta Philip Edrick Zammit u Raul Antonio Pace jinsabu akkużati b’korruzzjoni – huma qed jiċħdu l-akkużi.