Lokali Qorti

Ġuri bil-magħluq fil-konfront ta’ anzjan fuq atti sesswali ma’ tifla

Anzjan ta’ 66 sena beda għaddej ġuri bil-maġħluq quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera akkużat li wettaq atti sesswali ma’ tifla ta’ 12-il sena. Il-każ beda jiġi investigat mill-pulizija fl-2021 meta t-tifla allegat li l-anzjan li huwa ħabib ta’ ommha u missierha wettaq attivitajiet sesswali magħha.

Il-każ ġara meta t-tifla flimkien mal-ġenituri tagħha marru fid-dar tal-akkużat u l-familja tiegħu. It-tifla riedet tmur mal-akkużat jiġbor xi ikel minn ħanut tat-‘take away’ u kien hawn li allegatament l-anzjan ħadha f’garaxx fiż-Żejtun u wettaq attivitajiet sesswali magħha.

Ir-raġel, li ismu qed jiġi pprojbit mill-pubblikazzjoni kien tressaq il-Qorti f’Ġunju ta’ sentejn ilu u qed jiġi akkużat li pparteċipa f’attivitajiet sesswali illegali mal-minuri u li kkorrompa lit-tifla, li kellha taħt is-16-il sena.

Ftit wara, it-tfajla vulnerabbli kienet fdat fl-edukatur tagħha ta’ appoġġ għat-tagħlim fl-iskola li, min-naħa tiegħu, indika l-kwistjoni lis-servizzi ta’ appoġġ għat-tfal. L-anzjan, qiegħed jiġi assistit mill-Avukati Arthur Azzopardi u Ishmael Psaila qiegħed iwieġeb mhux ħati għall-akkuzi fil-konfront tiegħu u qed isir bla ġurati.