Internazzjonali Lokali

“Id-data privata taċ-ċittadini qed tintuża għad-diskriminazzjoni politika” – David Casa

David Casa jikteb lill-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data sabiex jiftaħ investigazzjoni fuq il-Partit Laburista

David Casa, il-membru Parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista appella għal investigazzjoni dwar l-użu sistematiku tad-data privata taċ-ċittadini ​​bl-iskop li l-korruzzjoni tiġi istituzzjonalizzata biex taġevola lill-Partit Laburista.

“Iċ-chats li ġew leaked minn Whatsapp juru biċ-ċar li d-diskriminazzjoni qed issir fuq bażi ta’ lealtà politika, liema data qed tinżamm mill-Partit Laburista u l-politiċi korrotti tiegħu fl-entitajiet governattivi,” sostna Casa.

Casa rrefera għal chats li ġew żvelati aktar kmieni din il-ġimgħa fejn juru, b’mod ċar kristall, li persuni li qed japplikaw għal-liċenzja tas-sewqan kienu qed jiġu diskriminati minħabba t-twemmin politiku tagħhom.

“Jekk m’intix Laburist biżżejjed tkun trattat b’mod differenti,” stqarr l-MEP. “Fuck him… ommu biss magħna!” qal l-uffiċjal tal-customer care fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

“Dawn iċ-chats jikxfu ftit biss mill-qerq. Iċ-chats juru l-modus operandi ta’ organizzazzjoni kriminali li m’għandha l-ebda limitu biex tibqa’ fil-poter. L-użu tad-data privata għall-iskop ta’ diskriminazzjoni sistemika ma jinħafirx. Dan ifisser ukoll li qed jinkisru b’mod gravi d-drittijiet fundamentali Ewropej tal-protezzjoni tad-data,” qal David Casa.