Għal darb’oħra, il-membri tal-Gvern fil-Kumitat għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika naqsu milli jaraw li dan il-Kumitat iservi biex jgħolli l-livell tal-istandards mistennija mill-politiċi.
Dan hekk kif il-membri tal-Gvern – il-Ministru Jonathan Attard u s-Segretarju Parlamentari Andy Ellul – astjenew fil-vot dwar l-adozzjoni tar-rapport dwar il-laqgħa li kellu l-eks Segretarju Parlamentari Michael Farrugia ma’ Yorgen Fenech f’Kastilja, fl-istess ġurnata li bagħat ittra lill-Awtorità tal-Ippjanar biex fl-Imrieħel ikunu jistgħu jinbnew torrijiet. F’dan ir-rapport, il-Kummissarju sab ħtija dwar waħda mill-erba’ allegazzjonijiet li saru.
Ir-rapport ġie adottat b’żewġ voti kontra xejn, hekk kif ir-rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista – Mark Anthony Sammut u Ryan Callus – kienu l-uniċi membri li vvutaw favur.
Dan wara li huma talbu li l-investigazzjoni dwar l-ewwel żewġ allegazzjonijiet, li dwarhom il-Kummissarju ma sabx evidenza, tkun tista’ titkompla mill-Kumitat minħabba nuqqasijiet serji fl-investigazzjoni li wettaq il-Kummissarju. Din it-talba waqgħet bil-vot tal-Ispeaker, wara li l-membri tal-Gvern ivvutaw kontra, bl-Ispeaker jiddeċiedi li l-investigazzjoni tal-Kummissarju kienet biżżejjed għall-adozzjoni tar-rapport. Deċiżjoni diżappuntanti fejn, għal darb’oħra, l-Ispeaker serva ta’ forċina għall-Gvern.
Il-Partit Nazzjonalista u r-rappreżentanti tiegħu se jkomplu jaħdmu biex l-istandards mistennija mill-politiċi u minn dawk fil-ħajja pubblika jogħlew u li dawn jinżammu kontabbli ta’ għemilhom.
//= $special ?>