B’vot finali ta’ 216 kontra 210 … Kevin McCarthy, l-Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Istati Uniti tneħħa mill-pozizzjoni tiegħu f’dik li qed tissejjaħ bħala manuvra politika mill-partit tal-lemin. Vot li fisser li l-Ispeaker ġie sfiduċjat.
Din hi l-ewwel darba fl-istorja Amerikana li Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti tilef vot ta’ dan it-tip, hekk kif il-membri tal-Kungress …fil-maġġoranza taghhom Republikani …ivvutaw kontra McCarthy wara li intlaħaq ftehim mad-Demokratiċi tas-Senat biex jiffinanzja l-aġenziji tal-Gvern.
Minn naħa tiegħu, Matt Gaetz – Repubblikan ta’ Florida u li huwa alleat ta’ Donald Trump, għamel użu minn għodda proċedurali li rari tintuża – magħrufa bħala mozzjoni biex jitbattal is-siġġu tal-Ispeaker. Dan sabiex ikeċċi lil McCarthy.
Gaetz akkuża lill-Ispeaker li għamel ftehim sigriet mal-White House biex ikompli jiffinanzja lill-Ukrajna, ħalli jiġi evitat li jitwaqqa’ l-gvern fi tmiem il-ġimgħa. Iżda minn naħa tiegħu McCarthy ċaħad dawn l-akkużi.
Intant waqt laqgħa privata mal-leġiżlaturi Repubblikani li saret it-Tlieta filgħaxija, McCarthy insista mal-kollegi tiegħu li ma kienx qed jippjana li jerġa’ jikkontesta għal Speaker. Fl-istess waqt, akkuża lil Gaetz, li qed ifittex l-attenzjoni.
Sa issa jidher li m’hemm l-ebda suċċessur ċar li jista’ jikseb il-maġġoranza tal-Kamra. Dan filwaqt li l-Kungress għandu ftit aktar minn 40 jum biex jasal għal ftehim. Dan sabiex jiġi evitat li jaqa’ il-Gvern.
//= $special ?>