Il-Marokk, Spanja u l-Portugall ġew nominati biex jorganizzaw it-Tazza tad-Dinja tal-futbol tal-2030, filwaqt li l-Urugwaj, l-Arġentina u l-Paragwaj se jospitaw il-logħbiet tal-ftuħ biex jimmarkaw il-mitt sena tal-Kampjonat.
Din l-aħbar ħarġet bħala sorpriża waqt laqgħa virtwali tal-Kumitat Eżekuttiv, hekk kif din id-deċizjoni trid tkun ratifkata waqt il-Kungress.
Il-FIFA qalet li l-offerta konġunta mill-Marokk, il-Portugall u Spanja kienet l-uniku kandidatura biex torganizza l-Kampjonat 2030.
Id-deċiżjoni li ttieħdet mill-FIFA timmarka l-ewwel darba li t-Tazza tad-Dinja se tittella’ fi tliet kontinenti differenti u sitt pajjiżi, li jista’ jfisser li l-logħbiet tal-gruppi se jkollhom isiru fi staġuni differenti bbażati fuq il-klima tal-pajjiż.
L-Assoċjazzjoni tal-Futbol Arġentina ikkonfermat li l-ewwel partita tal-fażi tal-gruppi tal-2030 se tintlagħab fi Buenos Aires.
Din se tkun l-ewwel darba li l-Portugall u l-Marokk se jkunu qed jospitaw edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja, filwaqt li Spanja ospitat dan it-tournament fl-1982.
Il-Portugall organizzat il-Kampjonat tal-UEFA fl-2004 filwaqt li l-Marokk se jkun it-tieni pajjiż Afrikan li jorganizza t-Tazza tad-Dinja wara l-Afrika t’Isfel fl-2010.
Il-FIFA qalet ukoll li t-Tazza tad-Dinja tal-2034 se ssir fir-reġjun tal-Asja jew tal-Oċeanja kif ukoll li l-edizzjoni tal-2026 se tkun organizzata mill-Istati Uniti, il-Kanada u l-Messiku.
//= $special ?>