Lokali

“L-anzjani huma indispensabbli għas-soċjetà” – Bernard Grech

“L-anzjani jibqgħu fiċ-ċentru tal-politika li jfassal il-Partit Nazzjonalista, u huwa importanti li l-anzjani jibqgħu attivi fis-soċjetà tagħna.”

Dan sostnieh il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech wara żjara fid-Day Centre li jinsab f’Tas-Sliema. Waqt din iż-żjara Bernard Grech tkellem mal-anzjani preżenti, illi minn naħa tagħhom saħqu li Day Centres bħal dawn huma importanti ħafna għalihom għaliex iħossuhom parti minn komunità.

Jakkumpanjaw lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien hemm id-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici kif ukoll is-Sindku ta’ Tas-Sliema John Pillow.

F’kummenti ma’ Net News Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista dejjem investa fl-anzjani għaliex l-anzjani qatt m’għandhom iħossuhom imwarrbin.

Apparti minn hekk, Bernard Grech saħaq fuq l-importanza li l-anzjani jibqgħu attivi u jattendu għal affarijiet bħal dawn.

Matul iż-żjara tiegħu Bernard Grech tkellem ukoll mal-impjegati fid-Day Centre illi spjegaw kif kull jum jorganizzaw attivitajiet differenti sabiex l-anzjani jkollhom attivitajiet varjati. Huma qalu li jħossuhom ferm sodisfatti f’xogħolhom speċjalment meta jaraw l-anzjani kuntenti.