“Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem bla waqfien sabiex ikollna pajjiż ġust; pajjiż li jieħu ħsieb lil dawk li huma vulnerabbli, pajjiż li jħaddem mudell ekonomiku ibbażat fuq kwalità u mhux fuq iż-żieda tal-popolazzjoni.”
Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt li kien qed jindirizza il-konferenza li organizzat il-GWU bħala parti mill-attivitajiet li qed ifakkru t-80 anniversarju mit-twaqqif tagħha.
Waqt l-indirizz tiegħu, Bernard Grech qal li l-GWU dejjem iffukat fuq l-interess tal-ħaddiema. Huwa qal li t-tema ta’ din il-konferenza – nibnu futur aħjar – qed titħaddem fil-politika tal-Partit Nazzjonalista, u bħala pajjiż irridu nemmnu bi sħiħ f’ġustizzja soċjali.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar ukoll fid-diversi proposti li ressaq sabiex pajjiżna jaffaċċja l-pjaga tal-għoli tal-ħajja – fost l-oħrajn li l-COLA ma tkunx intaxxata.
Bernard Grech saħaq fuq l-importanza li jinbidel l-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna għaliex il-mudell ekonomiku li qed jitħaddem preżentament huwa wieħed bla pjan; fejn anke l-infrastruttura ta’ pajjiżna mhux qed tlaħħaq maż-żieda fil-popolazzjoni.
B’kuntrast; fl-istess konferenza l-Prim Ministru Robert Abela baqa’ jirreżisti t-talba tal-Partit Nazzjonalista kif ukoll ta’ diversi entitajiet li qed jappellaw għal mudell ekonomiku ġdid. Dan hekk kif waqt id-diskors tiegħu huwa qal li pajjiżna għandu bżonn biss tranżizzjoni ekonomika.
Minn naħa tiegħu s-Segretarju tal-GWU Josef Bugeja qal li t-tema tal-konferenza “Nibnu futur aħjar: Ħarsien Soċjali, Dinjità, Innovazzjoni, Sostenibbiltà” hija xhieda tad-dedikazzjoni u l-lealtà lejn dak li għaqqadhom mal-passat – filwaqt li l-persuna tibqa’ ċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni u kull azzjoni li qatt ħadet din il-union.
Barra minn hekk, Josef Bugeja tenna l-importanza li jkunu ndirizzati l-isfidi urġenti li qed ikomplu jħallu impatt negattiv fuq is-soċjetà tagħna.
//= $special ?>