Newcastle United kisbu l-ewwel rebħa fil-UEFA Champions League f’19-il sena kontra l-forza Franċiża PSG, b’skor meritat ta’ 4-1.
Miguel Almiron tefa’ lill-partitatji ta’ Newcastle f’delirju ta’ ferħ meta fetaħ l-iskor wara 17-il minuta logħob b’xutt mil-lemin indirzzat lejn ir-rokna t’isfel tax-xellug.
Fid-39 minuta Newcastle United irduppjaw l-iskor permezz tad-difensur ċentrali Dan Burn b’daqqa ta’ ras potenti mill-viċin jasal minn pass twil tal-midfilder Bruno Guimaraes.
Il-Magpies isiġillaw ir-rebħa fil-50 minuta permezz ta’ Sean Longstaff li xeħet ġewwa b’xutt kalm u ċentrali mill-pass tad-difensur laterali Trippier.
Les Parisiens skorjaw gowl fis-56 minuta, madanakollu dan il-gowl kien biss ta’ konsolazzjoni għaċ-champions Franċiżi. Lucas Hernandez xeħet ġewwa b’daqqa ta’ ras minn pass brillanti ta’ Zaire-Emery.
Fabian Schar kompla jkabbar il-problemi ta’ PSG fil-91 minuta meta għamel l-iskor finali 4-1 b’xutt minn barra l-kaxxa mis-suġġeriment ta’ Murphy.
RB Leipzig 1-3 Manchester City
Manchester City kisbu rebħa missielta kontra RB Leipzig bl-iskor ta’ 3-1.
Phil Foden kien l-ewwel plejer li sab ix-xibka wara 25 minuta b’xutt miċ-ċentru tal-kaxxa ‘l kbira jispiċċa fix-xibka mill-pass ta’ Rico Lewis.
RB Leipzing irnexxielhom jiksbu gowl lura u jagħmlu l-iskor 1-1 permezz ta’ Luis Openda li għeleb lil Ederson b’xutt kalm fir-rokna t’isfel tax-xellug minn pass ta’ Poulsen li ffiltra d-difiża b’pass baxx.
Żewġ gowls fl-aħħar 10 minuti logħob kienu kruċjali fir-rebħa tas-Citizens, bl-ewwel wieħed jasal minn Julian Alvarez mis-suġġeriment ta’ Doku, filwaqt il-gowl li kkonferma r-rebħa kien skorjat minn l-istess Jeremy Doku li ħoloq l-azzjoni tal-gowl preċedenti.
Celtic 1-2 Lazio
Riżultat drammatiku ieħor għal Lazio hekk kif kisbu rebħa fl-aħħar minuti kontra Celtic bl-iskor ta’ 2-1.
Celtic fetħu l-iskor permezz ta’ Kyogo Furuhashi, filwaqt li Lazio għanlu l-iskor indaqs permezz ta’ Mattias Vecino.
Tmiem drammatiku għall-aħħar hekk kif fil-95 minuta l-attakkant laterali Pedro xeħet ġewwa għall-gowl tar-rebħa b’daqqa ta’ ras.
Borussia Dortmund 0-0 Milan
Il-partita bejn Borussia Dortmund u Milan spiċċat f’parità ta’ bla gowls fis-Signal Induna Park.
Porto 0-1 Barcelona
Barcelona kisbu rebħa minima ta’ 1-0 fuq Porto biex għamluhom żewġ rebħiet minn tnejn, bil-gowl tar-rebħa jasal minn Ferran Torres fis-46 minuta.
Atletico Madrid 3-2 Feyenoord
Atletico Madrid kisbu l-ewwel rebħa tagħhom f’din l-edizzjoni tal-UEFA Champions league b’rebħa missielta fuq Feyenoord bl-iskor ta’ 3-2.
Kienu propja Feyenoord li ħadu l-vantaġġ l-ewwel wara biss 7 minuti logħob permezz ta’ auto-gowl tad-difensur ċentrali Mario Hermoso.
Atletico Madrid ma damux ma kisbu d-draw hekk kif fit-12 il-minuta Alvaro Morata xeħet fir-rokna t’isfel tax-xellug u għamel l-iskor indaqs.
Fl-34 minuta Los Colchoneros reġgħu sabu ruħhom minn taħt hekk kif David Hancko sab ix-xibka b’xutt mill-viċin.
Ftit mumenti qabel tmiem l-ewwel taqsima Atletico Madrid għamlu l-iskor indaqs għat-tieni darba fil-partita b’Antoine Griezmann iniżżel ismu mal-iskorers bl-aħħar azzjoni tal-ewwel 45 minuta.
Alvaro Morata kiseb id-doppjetta personali tiegħu u skorja l-gowl tar-rebħa ftit minuti wara l-bidu tat-tieni taqsima b’xutt potenti minn ġol kaxxa mill-kross ta’ Molina.
Royal Antwerp 2-3 Shakhtar Donetsk
Shakhtar Donetsk wetqu rimonta hekk kif dawwru telfa f’rebħa fil-partita tagħhom kontra Royal Antwerp fil-Bosullstadion, bl-iskor finali jkun ta’ 2-3.
Antwerp ma damux ma fetħu l-iskor hekk kif Arbnor Muja sab ix-xibka wara biss 3 minuti logħob minn pass taż-żagħżugħ Arthur Vermeeran.
It-tim Belġjan irdoppja l-iskor fit-33 minuta b’din id-darba Michel-Ange Balikwisha jiskorja gowl mill-isbaħ minn barra l-kaxxa.
Shakhtar ħarġu fuq l-offensiva fit-tieni taqsima hekk kif fit-48 minuta Danylo Sikan xeħet ġewwa għall-ewwel gowl tat-tim Ukren b’daqqa ta’ ras b’saħħita.
Fil-71 minuta Yaroslav Rakitskyi jirnexxielu jagħmel l-iskor 2-2 minn freekick mix-xellug li spiċċa fir-rokna t’isfel tax-xellug.
Ħames minuti wara Danylo Sikan għal darb’oħra sab ix-xibka u wettaq ir-rimonta għat-tim tiegħu b’xutt fil-baxx mis-suġġeriment ta’ Nazaryna.
Crvenia Zvezda 2-2 Young Boys
Crvenia Zvezda u Young Boys temmew fi draw ta’ 2-2.
Il-gowls ta’ Crvenia Zezda waslu minn Cherif Ndiaye fil-35 minuta u minn Osman Bukari fit-88 minuta, filwaqt li l-gowls ta’ Young Boys waslu minn Filip Ugrinic fit-48 minuta u Cedric Itten fil-61 minuta.
It-Tlieta
Grupp A: Copenhagen v Bayern M. 1-2, Man. Utd v Galatasaray 2-3
Grupp B: Lens v Arsenal 2-1, PSV v Sevilla 2-2
Grupp C: Union Berlin v Braga 2-3, Napoli v R.Madrid 2-3
Grupp D: Salzburg v R.Sociedad 0-2, Inter v Benfica 1-0
Ilbieraħ
Grupp E: Atletico M. v Feyenoord 3-2, Celtic v Lazio 1-2
Grupp F: Borussia D. v Milan 0-0, Newcastle U. v PSG 4-1
Grupp G: Crvena Zvezda v Young B. 2-2, RB Leipzig v Man.City 1-3
Grupp H: Royal A. v Shakhtar D. 2-3, Porto v Barcelona 0-1