Il-Gvern ta’ Abela ħoloq periklu ieħor għal kulħadd
Robert Abela ma jistax jibqa’ jagħti barka għall-abbuż, iżda għandu minnufih jitlob apoloġija, jikkundanna u jara kif se jsolvi din il-kriżi li ħolqu hu u ta’ madwaru.
Hekk ingħad f’konferenza tal-aħbarjiet, b’rabta mal-iskandlu tal-liċenzji tas-sewqan, li kienet indirizzata mill-Kelliem għat-Trasport, il-Mobbiltà u l-Proġetti Kapitali Adrian Delia u mill-Kelliem għall-Gvern Lokali u l-Amministrazzjoni Pubblika Darren Carabott.
Adrian Delia qal li taħt Robert Abela, qed immorru lura fiż-żmien u qed ikollna liġi tal-ġungla. Kompla li għandna Gvern kompliċi għal-liċenzji ‘licence to kill’. Hu qal li bl-intervent politiku għaddew nies mit-testijiet tas-sewqan, b’periklu għall-persuna li ngħatat il-liċenzja u għan-nies l-oħrajn kollha li jkunu fit-toroq Maltin. Tenna li ninsabu f’sitwazzjoni fejn qed nistiednu t-traġedji fit-toroq tagħna, traġedji li l-Gvern hu kompliċi għalihom.
Min-naħa tiegħu, Darren Carabott qal li fl-aħħar jiem tkellmu numru ta’ entitajiet, li kkundannaw dan l-iskandlu tal-liċnezji tas-sewqan. Insurers, ċiklisti, tobba u nies oħrajn li ta’ kuljum jużaw it-toroq Maltin huma mħassba u skandalizzati għal dak li ġie żvelat u għalhekk, qed jitolbu għall-bidla u għal aktar sigurtà fit-toroq tagħna. Kompla li dawn l-istess individwi li ngħataw il-liċenzja b’mod irresponsabbli huma ta’ periklu fit-toroq Maltin.
Matul il-konferenza intqal li hu impossibbli tiġġustifika korrispondenza ta’ messaġġi li esponew prattiċi korrotti sfaċċati. Dan kollu jirriżulta wkoll li se jiżdied ir-riskju lejn il-poplu, bil-kumpaniji tal-polza ta’ assigurazzjoni se jkollhom aktar spejjeż. Dan l-iskandlu tal-liċenzji tas-sewqan kellu wkoll l-intenzjoni li jintrebħu l-voti u dan rajnih fil-messaġġi li ħarġu fl-aħħar jiem mill-media.
Il-Partit Nazzjonalista jesiġi li tittieħed azzjoni minnufih u dawn il-liċenzji li ħarġu kif ġieb u leħaq ikunu revokati. Dan għandu jsir biex jitħares l-interess tal-poplu kollu.
//= $special ?>