Lokali

Robert Abela jibqa’ jiddefendi lil dawk involuti fir-racket tal-liċenzji tas-sewqan

Għalkemm qed ikollu kundanna waħda wara l-oħra, il-Prim Ministru Robert Abela qed jibqa’ jiddefendi l-aġir tal-Ministru Ian Borg u ta’ dawk kollha involuti fir-racket tat-testijiet tal-liċenzji tas-sewqan.

L-aħħar ċanfira waslet mill-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem hekk kif bl-aktar mod ċar qalet li d-diskors tal-Prim Ministru Robert Abela qed ikun stedina ċara u tonda għall-anarkija.

L-MEA, b’mod b’saħħtu, ikkundannat b’saħħa l-aħħar skandli li qed jaffaċċja l-Gvern – dawk tal-frodi mill-benefiċċji soċjali kif ukoll ir-racket tal-liċenzji tas-sewqan.

Iżda quddiem dan kollu, l-Prim Ministru Robert Abela qed jibqa’ jagħlaq għajnejh u jiddefendi fost l-oħrajn lill-Ministru Ian Borg; għax skont hu, kien dmir tiegħu li jagħmel dan… bil-Prim Ministru għal darb’oħra jiddefendi lil Ian Borg u lill-customer care ta’ Kastilja.

Robert Abela stess ammetta li saru numru ta’ irregolaritajiet fl-liċenzji tas-sewqan.

Mistoqsi minn Net News jekk hux se jagħmel apoloġija għal dan kollu… kif qed tappella l-MEA… Abela għamilha ċara li mhux se jkun qed jiskuża ruħu.

Intant, staqsejna wkoll lil Robert Abela dwar l-aħħar rapporti li ħarġu fil-media …. li l-customer care ta’ Kastilja kif ukoll ta’ numru ta’ Ministri għenu lil diversi persuni biex jipposponu l-pagamenti tagħhom lill-ARMS. Bil-Prim Ministru fl-ebda ħin ma ċaħad dawn ir-rapporti.

Mhux maghruf eżatt kemm hemm nies involuti f’dawn il-każ tal-ARMS, u kemm kien hemm kontijiet li ġew indirizzati b’mod abbużiv.