Raġel ta’ 33 sena residenti Bormla ġie kkundannat sitt snin ħabs wara li nstab ħati mill-Maġistrat Nadine Lia li attakka għal darba – darbtejn persuna, l-ewwel fil-Belt u t-tieni darba ftit tal-ħin wara fil-Ħamrun. Tant kemm l-aggressjoni kienet qawwija li l-vittma għamel xi ħin fil-periklu tal-mewt.
Matthew Vassallo, li jsofri minn diżabbiltà fiżika kien tressaq il-Qorti flimkien ma’ ommu Josephine Lia ta’ 54 sena u ħutu Lucas Vassallo ta’ 29 sena u Louanna Vassallo ta’ 22 sena, it-tlieta mill-Isla. Huma kienu akkużati mill-Ispettur Robert Vella li fl-20 ta’ Novembru 2018 ħebbew u kkaġunaw ġrieħi lil raġel u li kisru l-paċi pubblika b’għajjat u storbju.
Matthew Vassallo waħdu kien mixli li fil-jum ta’ qabel ħebb għall-istess raġel fil-Belt u heddu, kif ukoll li kiser il-kundizzjonijiet imposti mill-Qorti tal-Maġistrati fl-2013. Mill-provi li tressqu quddiem il-Maġistrat Nadine Lia rriżulta li fl-20 ta’ Novembru l-Pulizija rċeviet rapport li kien hemm raġel mal-art fil-Ħamrun, li kien mimli demm. Il-vittma qal lill-Pulizija li kien aggredit minn Matthew Vassallo u xi qraba tiegħu u li l-argument kien “minħabba mara”. Għal xi ħin il-vittma kien fil-periklu tal-mewt.
Meta l-Pulizija kellmet lil Matthew Vassallo dan qalilha li huwa kien aggredit mill-vittma b’siġġu fir-residenza tas-sieħba tiegħu fil-Belt, waqt li l-vittma qal li kien l-akkużat li aggredih b’sikkina u għalhekk użu s-siġġu.
Omm l-akkużat u ħutu ċaħdu kull involviment, waqt li s-sieħba tal-akkużat ikkonfermat li nqala’ inċident bejn iż-żewġt irġiel fir-residenza tagħha minħabba li Vassallo ħaseb li l-vittma kellu xi interess fiha, fejn il-vittma allegatament qallu biex ma jindaħalx u għajru “nofs bniedem”, peress li m’għandux saqajn. Qalet li wara l-argument is-sieħeb tagħha telaq ‘il barra u ma tafx fejn mar.
Fuq il-post fil-Ħamrun fejn instab il-vittma nstabet ukoll vettura li kien juża l-akkużat, waqt li testijiet tad-DNA kkonfermaw li fuq flokk tal-vittma kien hemm ukoll demm tal-akkużat. Fis-seduta tat-2 ta’ Diċembru 2019 xehdet Dr Luana Formosa, mill-isptar Mater Dei.
Hi esebit u kkonfermat iċ-certifikat mediku u spjegat li hi kienet invistat lill-parte civile nhar l-20 ta’ Novembru 2018, għall-habta tas-2am. Il-grieħi li hi kkonstatat kienu ta’ natura gravi u apparti laċerazzjoni ma ras il-vittma viċin il-widna leminija u laċerazzjoni oħra fl-id il-leminija, minn CT scan irrizulta li kien hemm ksur tal-għadma tal-istess id.
Wara li semgħet il-provi, il-Maġistrat Nadine Lia qalet li hija konvinta li Matthew Vassallo ħebb għall-vittma, madankollu sostniet ma rriżultax li ommu u ħutu kienu involuti fl-aggressjoni u għalhekk illiberathom.
Meta ġiet biex tagħti l-piena l-Maġistrat Lia qieset li Vassallo kien instab ħati ta’ reati kontra persuni u li kiser il-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti tal-Maġistrati fuq każ ieħor. Minbarra s-sitt snin priġunerija ordnat li l-€5,000 f’garanzija fuq ħelsien mill-arrest fil-każ ieħor jgħaddu għand il-Gvern waqt li ordnatlu jħallas €3,229 spejjeż relatati mal-kawża. Is-Supretendent Robert Vella mexxa l-Prosekuzzjoni.
//= $special ?>