Basketball Sport

Super Cup Nisa: Rimonta stupenda minn Starlites tagħtihom l-ewwel unur tal-istaġun

(Ritratt: Stephen Christopher Vella)

Colin Schembri

Caffè Moak Luxol…….66

Starlites JSD……………..76

(22-17)(23-13)(14-21)(7-25)

Min daħal Ta’ Qali f’nofs it-tielet sessjoni seta’ ħaseb li Luxol kienu resqin lejn l-għaxar Super Cup tagħhom meta kienu qiegħdin igawdu vantaġġ ta’ 23 punt 58-35. Però c-Champions renjanti urew xi jsarrfu u li ankè dan l-istaġun se jgħidu tagħhom meta wettqu rimonta mill-aqwa li rathom imorru basket minn fuq għaxar minuti wara li bdewha. Ftit kien hemm uċuh ġodda mill-istaġun li għadda fuq iż-żewġ naħat bl-eċċezzjoni tkun fil-players barranin fejn Luxol introduċew lill-Amerikana Tayler Bennett u Starlites ukoll b’Amerikana ġdida Paige Cannon. Luxol ikkonfermaw lil Santino Coppa fuq il-bank fil-waqt li Starlites issa se jkunu mmexxija minn Fatih Dedelioglu li s-sena l-oħra mexxa lil Depiro.

Wara l-ewwel basket tal-partita minn Anna Fenech Pace, Starlites wieġbu b’żewġ trippli ta’ Steffi De Martino. Luxol kellhom il-punti ta’ Sarah Fenech Pace però Starlites baqgħu fuq quddiem 11-7 wara trippla minn Michela Zammit Cordina. Mall-ħin Luxol daħlu aktar fil-partita u wara trippla fuq kull naħa minn Mikela Riolo u Bennett, Luxol għalqu l-perjodu bi break ta’ 8-0 bi trippla ta’ Anna Fenech Pace għal skor ta’ 22-17. Fit-tieni perjodu Bennett fetħet b’żewġ trippli konsekuttivi u bil-mod Luxol bdew jinqatgħu fuq quddiem hekk kif komplew b’run ta’ 11-3 u marru 17 -il punt minn fuq 39-22. De Martino kompliet b’aktar trippli għal Starlites però kienu Luxol li temmew is-sessjoni b’żewġ baskets oħra u daħlu jistrieħu 45-30 minn fuq.

Wara l-intervall Luxol komplew iżidu l-vantaġġ fejn wara żewġ baskets fuq kull naħa, huma għamlu break ta’ 9-1 biex fetħu vantaġġ massimu ta’ 23 punt 58-35. Hawn bdiet ir-rimonta ta’ Starlites fejn għamlu run ta’ 15-1 bi trippli ta’ Cannon u tnejn ta’ Andie Saliba flimkien mal-punti ta’ De Martino u Maria Bonett għal skor ta’ 59-51. Luxol fetħu l-aħħar sessjoni b’basket ta’ Sarah Fenech Pace biex reġgħu ħadu vantaġġ b’figuri doppji. Ir-risposta ta’ Starlites ġiet bit-trippli ta’ Cannon li wasslithom sa’ basket ‘l bogħod. Luxol żammew il-vantaġġ sar-raba’ minuta 64-61 iżda trippla ta’ Cannon u basket ta’ Bonett poġġew lil Starlites fuq quddiem 66-64. Luxol dehru mifxula u ftit li xejn setgħu jirkupraw hekk kif ic-champions kellhom run oħra ta’ 10-0 biex huma rebħu l-partita 76-66. Fi tmiem il-partita Caroline Schiavone, direttur tal-MBA ppreżentat it-tazza lil captain ta’ Starlites Steffi De Martino,

Caffè Moak Luxol: C. Sollami 1, L. Fenech Pace, T. Bennett 25, H. Galea, K. Portelli, S. Fenech Pace 15, J. Diaby 9, V. Baldacchino, S. Sciberras, S. Farrugia, M. Marmara, A. Fenech Pace 10.

Starlites JSD: M. Zammit Cordina 8, M. Riolo 10, A. Saliba 8, S. Tabone, M. Bonett 8, S. De Martino 23, P. Cannon 24, P. Riolo, M. Fenech, C. Cilia, S. Davies, C. Curmi.

Referees: Gordon Barbara, Nicky Azzopardi, Julie Londono