Riżultati pożittivi mill-kontinġent tal-Malta Taekwondo Association li ħa sehem fl-edizzjoni ta’ din is-sena fit-tournament internazzjonali Albania G1 li sar f’Tirana.
B’kollox 700 atleta ħadu sehem f’dan it-tournament. Suċċess għal Jean Schembri li fil-kategorija tal-cadets kiseb il-midalja tal-fidda fejn fil-finali kontra Francesco Gianmarco tal-Italja, wara li l-konfront spicca 1-1 u 8-8 fuq l-azzjonijiet milgħuba kienet biss body-hit aktar għal Gianmarco li tgħatu l-ewwel post.
Alycia Scerri tilfet 2-0 kontra Anna Spanarova tar-Repubblika Ċeka filwaqt li Robin Zammit tilef 2-0 kontra Antonio Cirivello tal-Italja u Ferguson Galea fil-kategorija 55kg tilef kontra Feyyas Gumus tal-Ġermanja.
Michela Scerri wara s-suċċessi li kellha fit-Turkija, Serbja u l-Belġju ma ddiżappuntatx fejn wara li għelbet 2-0 lil Liron Blecher tal-Iżrael tilfet il-finali kontra Deya Peeva tal-Bulgarija.
Il-kontinġent Malti tmexxa mill-President tal-Malta Taekwondo Association Anna Vassallo, li bħala Viċi President tal-European Taekwondo Union, flimkien mal-Ministru tal-Isport tal-Albanija Endr Hoxha u l-President tal-Kumitat Olimpiku Albaniż Fidel Ylli għamlet l-indirizz ta’ merħba lil parteċipanti.
