Raġel ta’ 56 sena minn Tas-Sliema imma li jirrisjedi l-Belt Valletta ġie ordnat jagħmel 360 siegħa xogħol fil-komunità wara li nstab ħati li għamel użu minn ċekkijiet ffalsifikat. Il-proċeduri kontra Ivan Grixti kien bdew fuq rapport li għamlet martu biex kien mixli mill-Ispettur Daryl Borg li ffalsifika ċekk b’dannu għaliha u li għamel użu minn ċekkijiet iffalsifikati.
Il-mara qalet li ċ-ċekkijiet li kienu ffirmati minn żewġha u li fuqhom kien hemm firma ffalsifikata tagħha. Qalet ukoll li ċ-ċekkijiet kienu ddepożitati fil-kont konġunt bankarju u nħarġu bejn l-2014 u l-2017. Il-mara ppreżentat fil-Qorti 43 ċekk li qalet li fuqhom kienet tidher il-firma tagħha meta fil-fatt ma ffirmathomx.
L-espert tal-kaligrafija Joseph Mallia xehed li peress li ċ-ċekkijiet inqerdu ma setax jeżaminahom u kellu jaħdem fuq l-‘scanned images’ li madankollu ma kinux ċari u ma setax jgħid min iffirma l-firma tal-mara. Sadanittant l-imputat għażel li ma jwieġeb għal ebda mistoqsia li saritlu.
Il-Qorti qalet ukoll li d-Difiża filwaqt li għamlet diversi kontro-eżamijiet lix-xhieda mressqa mill-prosekuzzjoni u li hi għażlet li ma tressaq l-ebda xhud. L-imputat ukoll għażel li ma jixhidx f’dawn il-proċeduri u dan hekk kif huwa kellu kull dritt li jagħmel.
Fl-għoti tas-sentenza l-Maġistrat Kevan Azzopardi qal li la ma ġiex stabbilit minn iffirma falz ma setax isib lill-akkużat ħati li ffalsifika ċ-ċekkijiet. Fl-istess waqt huwa sab lill-akkużat ħati tat-tieni akkuża u qal li huwa konvint li l-akkużat kien jaf li fuq in-naħa ta’ wara taċ-ċekkijiet kien hemm firma falza. Meta ġie biex jagħti l-piena l-Maġistrat tenna li l-akkużat għandu kondotta nadifa u martu ma riditx li żewġha jintbagħat il-ħabs.
Għaldaqastant ġie ordnat li jagħmlel 360 siegħa xogħol fil-komunità u jħallas €4,500 għall-ispejjeż tal-kaligrafija.
//= $special ?>