Jinsabu fl-aqwa tagħhom il-preparazzjonijiet biex is-Sibt jittellgħu l-attivitajiet għal Notte Bianca… attivitajiet li mistennija jqajmu l-Belt Valletta bħalma jsir bħal kull sena.
Notte Biance ta’ din is-sena se tinkludi minn ’il fuq minn 60 attività bl-involviment ta’ aktar minn 250 artist, bil-maġġoranza tagħhom lokali. L-artisti tal-main stage ta’ din is-sena se jkunu AIDAN, Ivan Grech & Band u l-band popolari Taljana Le Vibrazioni.
Organizzata minn Festivals Malta, Notte Bianca toffri spettaklu diversifikat ta’ arti performattiva u viżiva bis-sehem ta’ diversi artisti lokali u internazzjonali.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta Frans Agius sostna li permezz ta’ Notte Bianca, il-Belt Valletta tinbidel f’festa ta’ kuluri, fejn l-arti u l-kultura tirrenja, u t-talent ta’ diversi artisti lokali u internazzjonali jżewwaq kull rokna tal-belt kapitali.
Il-Belt Valletta se tkun qed tinbidel f’lejla mimlija kultura li tinkludi mużika, teatru, żfin u installazzjonijiet tal-ogħla kwalità, kif ukoll attivitajiet edukattivi għat-tfal u għall-familja kollha.
Intant, fid-dawl ta’ dawn l-attivitajiet, Transport Malta se tkun qed toffri servizz speċjali għal madwar Malta kollha, b’rotot li se jdumu sas-siegħa ta’ filgħodu filwaqt li se jkun hemm park and ride b’shuttle kontinwu mill-Furjana għall-Belt.
L-attivitajiet se jkunu qed jibdew bi programm għat-tfal, bil-Korp tal-Pulizija qed iħeġġu lill-ġenituri biex jieħdu ħsieb lit-tfal minħabba l-folol ta’ nies, filwaqt li t-tfal jingħataw nota jew taf ta’ komunikazzjoni li tinżamm ħin kollu fuqhom b’każ li jintilfu.
//= $special ?>