Edukazzjoni Lokali

Ħaddiema li qed ikunu mċaħħda mid-dritt ta’ assoċjazzjoni f’union

Fil-Jum Internazzjonali tal-Edukaturi, il-UPE qalet fi stqarrija illi l-edukaturi jixraqilhom kull tifħir għad-dedikazzjoni tagħhom – speċjalment f’dak kollu li jagħmlu ta’ kuljum biex jassistu lit-tfal u l-istudenti.

Il-UPE tinnota li x-xogħol tal-għalliema mhux qed jingħata rikonoxximent daqs kemm jistħoqq. Bil-union tirreferi għall-kundizzjonijiet tax-xogħol bħala “miżeri”.

Il-UPE fakkret ukoll kif din is-sena, il-maġġornaza tal-LSEs issieħbu magħha. Iżda l-entitajiet tal-Gvern qed jimblukkaw ir-rappreżentanza – għaliex ma sarx proċess ta’ verifikazzjoni. Dan, fi kliem il-UPE, qed iwassal biex il-ħaddiema fis-settur edukattiv jiġu mċaħħda mid-dritt li għandhom li jassoċjaw ruħhom f’union.

Dwar dan il-każ, fil-fatt, għaddejin proċeduri fil-Qorti Kostituzzjonali.

Intant, fl-istess stqarrija, il-UPE tirreferi wkoll għal problemi kbar li hemm fl-iskejjel u f’istituzzjonijiet oħra bħall-ITS.