Il-familja ta’ Johanna Boni, it-tfajla li kienet mietet f’inċident bil-mutur f’Malta fl-2016, tilfet kawża għal kumpens li fetħet fejn ilmentat mill-mod kif indifnet bintha. Boni, ta’ 26 sena, mietet traġikament fil-5 ta’ Jannar ta’ seba’ snin ilu fi Triq il-Labour fin-Naxxar.
Carmel Cauchi ta’ 53 sena, kien ir-raġel li kien qed isuq it-trakk involut fl-inċident imma f’sentenza mogħtija mill-Qorti ma nżammx responsabbli għall-mewt tagħha. Il-ġenituri tat-tfajla, Salvatore u Josephine Boni, kien bdew proċeduri fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni Kostituzzjonali tagħha kontra l-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei, il-Ministru tas-Saħħa, l-Avukat tal-Istat u l-kummissjonanta Anna Falzon.
Quddiem l-Imħallef Anna Felice ħareġ li l-koppja Boni kkummissjonat lil Falzon biex tieħu ħsieb il-funeral ta’ binthom. L-omm insistiet ma’ Falzon li bintha kellha tindifen bl-ilbies li tatha, libsa ħamra u żarbun lewn il-fidda, u Falzon aċċettat.
Falzon qalet li jkun aħjar jekk it-tebut jibqa’ magħluq minħabba l-ġrieħi serji li ġarrbet il-vittma. Il-funeral sar fid-9 ta’ Jannar 2016 u wara saret id-difna fil-qabar tal-familja fil-Mosta. Ġara li f’Jannar 2018 miet missier it-tfajla u d-difna kellha ssir fl-istess qabar.
Il-familja riedet li jinfetaħ il-qabar u l-fdalijiet tat-tfajla jitpoġġew f’kontenitur iżgħar. Meta l-qabar infetaħ instab li t-tfajla ndifnet f’’body bag’ waqt li l-ħwejjeġ tpoġġew f’rokna tat-tebut. Dr David Grima, manager tal-kamra mortwarja qal fil-Qorti kif katavru jitqiegħed f’body bag minħabba l-kundizzjoni tiegħu.
John Cassar, supevisor tal-kamra mortwarja, qal li meta katavru ma jiġix imlibbes għax is-sitwazzjoni tkun gravi u l-istat tal-katavru ma jippermettix, kif kien f’dan il-każ. Min-naħa tagħha Falzon qalet li hija għaddiet il-ħwejjeġ li għadditilha l-familja lill-ħaddiema tal-kamra mortwarja u ma kinitx taf li ma ġietx imlibbsa.
Wara li semgħet il-provi, l-Imħallef Felice qalet li tifhem is-sofferenza li l-mewt tal-ulied iġġib fuq il-ġenituri u li f’dan il-każ il-familja xtaqet li t-tfajla tindifen bil-ħwejjeġ li għażlu. Fl-istess waqt sostniet li tifhem ukoll li ċ-ċirkostanzi tal-mewt traġika ta’ Boni kkaġunaw ġrieħi tant gravi li ma ppermettewx li l-katavru jiġi mlibbes.
Hija żiedet li anke jekk il-familja tagħha ma ġietx infurmata li Boni ma tlibbsitx bil-ħwejjeġ tal-familja dan sar biex huma ma jisimgħux li binthom lanqas biss setgħet titlibbes. Kien għal dawn ir-raġunijiet li l-Qorti Kostituzzjonali ċaħdet it-talba tal-familja ta’ Boni.
Fil-5 ta’ Jannar, Johanna Boni illi mietet f’inċident stradali wara li ġiet mgħaffġa minn trakk waqt li kienet qiegħda ssuq il-mutur tagħha għal ħabta tad-9am. Il-ġenituri tagħha kienu ġew infurmati bil-mewt ta’ binthom telefonikament, u sussegwentament qabbdu l-ewwel Catamaran disponibbli lejn Malta.
Meta waslu Malta, għal ħabta tas-2pm ġew infurmati illi l-katavru ta’ binthom kien jinsab ġewwa
l-kamra mortwarja fejn il-koppja tħallew jaraw il-katavru minn wara ħġieġa. L-għada reġgħu marru l-kamra mortwarja sabiex jagħmlu l-identifikazzjoni ta’ binthom fejn l-omm, Josephine Boni ddikjarat illi ma kienx hemm il-bżonn li jssir ‘DNA test’ għaliex Johanna setghet tigi identifikata.
Wara li saret l-identifikazzjoni, l-koppja tħallew għal ħin limitat ħafna ħdejn il-katavru ta’ binthom li kienet tinsab fuq irħama, kompletament bla ħwejjeġ u rasha biss mgħottija b’liżar. Minkejja li l-ġenituri tagħha setghu jaraw li binthom kellha l-grif taħt idejha il-leminija, tbenġil u kif ukoll marki tat-‘tyre’, huma
kkonfermaw li mill-bqija, il-ġisem taghha kien intatt.
Il-Qorti qalet ukoll li tqis illi anki jekk forsi l-familjari ma ġewx infurmati bil-fatt li Boni ma ġietx imlibbsa kif xtaqu huma, dan in-nuqqas mhux tali li jammonta għal vjolazzjoni tad-drittijiet tal-familja skont Artikolu 36(1) tal-Kostituzzjoni u l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni.
Għall-kuntrarju, tqis illi tali fatt ma kienitx ir-riżultat ta’ xi nuqqas iżda sempliċement ġest ta’ rieda tajba biex il-ġenituri ta’ Boni li tant riedu li binthom tindifen fil-ħwejjeġ li pprovdew, jiġu evitati l-piena u weġgħa ulterjuri li jisimgħu li binthom lanqas biss setgħet titlibbes.
Rigwardanti l-fatt li l-ħwejjeg instabu f’rokna tat-tebut, il-Qorti tifhem li dawn kienu originarjament mifruxa fuq il-katavru u resqu lejn ir-rokna meta t-tebut tniżżel fil-qabar. Huwa ben magħruf li t-tebut ma
jitniżżilx ċatt iżda arbulat.
F’dan il-każ iċ-ċirkostanzi ferm sfortunati ma ppermettewx li l-katavru jitlibbes biss b’daqshekk żgur illi ma
jistax jingħad li l-atturi ġew imxekkla fil-jedd tagħhom għallqima reliġjuża aktar u aktar meta mill-provi jirriżulta li l-vittma ngħatat l-aħħar tislima kif xieraq billi saritilha quddies presente cadavere u wara ttieħdet għad-difna fil-qabar tal-familja